“Li kieku m’għamilt xejn kien ikun hemm 800 li jintlaqtu u d-deċiżjonijiet kienu jkunu differenti mbagħad.”
Hekk iddeskriva s-sitwazzjoni l-Ministru Clyde Caruana, dwar il-pjan ċar ta’ ristrutturar għal-linja nazzjonali tal-arju l-Air Malta u li fih ħadd mhu se jitlef il-ħobża ta’ kuljum.
Waqt il-programm Paperscan li jixxandar fuq ONE, il-Ministru, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-AirMalta, tkellem dwar id-deċiżjonijiet xejn faċli li kellu jieħu .
“Qed nagħmlu dan kollu biex nipproteġu l-għixien tal-familji kollha. Kien hemm bżonn illi l-Ġimgħa nħabbar dawk id-deċiżjonijiet” qal il-Ministru Caruana.
Ir-ristrutturar sar bi djalogu mal-unions, li fix-xhur li għaddew il-Ministru Caruana kien f’kuntatt kontinwu magħhom sabiex jassigura li t-tibdil li għandu jsir, isir b’tali mod li ma jħallasx għalih il-ħaddiem.
Huwa saħaq li dejjem kien ċar dwar is-sitwazzjoni u l-pjanijiet għall-futur.
Dwar l-400 ħaddiem li huma offruti xogħol alternattiv, il-Ministru Clyde Caruana spjega kif qed issir ħidma biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol offruti jkunu mill-aħjar.
Fil-programm Paperscan, huwa tenna li kulħadd ġie offrut l-istess offerta, jiġifieri mpjieg alternattiv, anke lil dawk li skont il-kuntratti tax-xogħol li għandhom, ma kellhom dritt għalih.
Meta mistoqsi dwar dak li sostnew l-assoċjazzjonijiet, biex il-ħaddiema jkollhom alternattiva li jaħdmu fis-settur privat, il-Ministru Caruana kien ċar fit-tweġiba tiegħu dwar il-koperazzjoni bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Saħaq li “l-garanzija ta’ impjieg alternattiv li qed jagħti l-Gvern hija hemm, ma neskludix illi jekk ikun hemm bżonn arranġamenti għaliex ikun hemm ċertu ħaddiema li jridu jesploraw, li jridu jmorru fis-settur privat, m’għandi l-ebda problema li nagħmluha wkoll.”