Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana xehed bħala eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-isforzi tal-Gvern li jinħarġu aktar dgħajjes biex isalvaw il-ħajjiet f’Ħadd il-Għid tas-sena li għaddiet.
Il-Ministru xehed il-Ġimgħa filgħodu f’każ kostituzzjonali ppreżentat mill-avukat u eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Paul Borg Olivier, f’isem tnejn u ħamsin persuna li qed ifittxu l-ażil u qed jakkużaw lill-istat Malti bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Clyde Caruana xehed kif bħala Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, it-tħassib tiegħu kien l-issalvagwardjar tal-ħajjiet bejn sema u ilma u qal li l-Gvern fittex dgħajjes ta’ salvataġġ addizzjonali.
Minkejja dan kienet diffiċli li tinstab l-għajnuna f’Ħadd il-Għid.
Il-Prim Ministru Robert Abela mistenni jixhed fis-seduta li jmiss, hekk kif illum ma setax jixhed minħabba li jinsab barra minn Malta għall-Kunsill tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell.