Fit-22 ta’ Diċembru, liema ġurnata mmarkat il-bidu tal-Hanukkah, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ddikjara li “l-istorja li qed niċċelebraw tittraxxendi millenji u l-messaġġ li joħroġ minn din l-istorja jagħmel ħafna sens fid-dinja tagħna llum, speċjalment fejn jidħlu l-libertà, s-sovranità u d-dinjità. Iżda hija wkoll storja ta’ perseveranza li tgħallimna li tkun kemm tkun żgħir, tista’ tagħmel differenza”.
Il-Ministru Abela ddikjara li l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin jistħoqqilha aktar attenzjoni peress li traġikament kien hemm żieda fil-vjolenza fl-Ewropa. “L-UE u l-istati membri tagħha, konxji bis-sħiħ li l-komunitajiet Lhudija jħossuhom partikolarment vulnerabbli wara żieda fl-inċidenti vjolenti f’dawn l-aħħar snin, qablu li jieħdu passi biex jipproteġu aħjar il-komunità Lhudija fl-Ewropa u jkomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-antisemitiżmu”, innota l-Ministru Abela.
Il-Ministru qal ukoll li Malta hija mpenjata bil-qawwa biex tiġġieled kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u inugwaljanza u tkompli tagħti importanza kbira lill-promozzjoni ta’ kultura ta’ inklussività, kemm f’Malta kif ukoll barra. Barra minn hekk, il-Ministru Abela nnota wkoll li d-diversità saret karatteristika tas-soċjetà Maltija u hija mwaqqfa biex tibqa’ bħala mod ta’ ħajja, u li dan jirrifletti l-istorja tagħna li ilha żmien twil tkun pont għal reliġjonijiet u kulturi differenti.
Fil-konklużjoni tiegħu, Carmelo Abela ddikjara li huwa d-dmir kollettiv tagħna li niżguraw li n-nies madwar id-dinja ma jkunux soġġetti għal vjolenza, diskriminazzjoni jew intimidazzjoni minħabba l-fidi jew it-twemmin tagħhom u li Malta għandha tkompli tagħmel kull sforz biex tippromwovi dawn il-ħsibijiet u ideat. Huwa hekk li tabilħaqq nistgħu nkomplu nibnu pontijiet, nippromwovu t-tolleranza tar-reliġjon u t-twemmin, filwaqt li nkabbru r-reżiljenza.
Ritratti: DOI/MFTP