Fl-indirizz tiegħu waqt is-seminar No Excuse for Abuse – 16 days of activism for the elimination of violence against women and girls, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela nnota li sfortunatament il-vjolenza fuq in-nisa, li hi vjolazzjoni serja tad-drittijiet tal-bniedem, għadha mifruxa mad-dinja kollha u tista’ tieħu forom fiżiċi, sesswali u psikoloġiċi.
“Il-vjolenza għandha impatt detrimentali fuq il-benesseri ġenerali tan-nisa u tipprevjenihom milli jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà fl-istadji kollha tal-ħajja tagħhom. Kif irrappurtat mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, madwar nofs in-nisa fl-Unjoni Ewropea esperjenzaw fastidju sesswali, verbali, fiżiku jew onlajn. Barra minn hekk, il-vjolenza fuq in-nisa tpoġġi spejjeż kbar fuq l-ekonomiji u s-soċjetajiet”, iddikjara l-ministru.
Il-Ministru Abela semma li madwar id-dinja, waħda minn kull ħames tfajliet taħt it-18-il sena jiġu mżewġa kull sena. “Iż-żwiġijiet tat-tfal, bikrija u sfurzati, ħafna drabi jwaqqfu lin-nisa u lill-bniet milli jgawdu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Mill-inqas 200 miljun mara u tifla llum għaddew minn mutilazzjoni ġenitali tan-nisa li għadha tiġi prattikata f’madwar 30 pajjiż. Dawn il-prattiċi ta’ ħsara jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom jintemmu”.
Il-ministru ddikjara li l-firma ta’ Malta tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul waqt il-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-UE u r-ratifika tal-konvenzjoni aktar kmieni din is-sena hi sinjal tal-impenn tagħna lejn il-ġlieda kontra din il-kriminalità. Barra minn hekk, ix-xhieda tal-proattività kontinwa ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa hi viżibbli wkoll permezz tal-President elett il-ġdid tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Azzjoni kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika fil-Kunsill tal-Ewropa, Dr Marceline Naudi, li permezz tal-kontribuzzjoni enerġetika tagħha bla dubju se tgħin lil GREVIO jwettaq l-għanijiet tiegħu.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li mhux kollox hu negattiv. Qal li dan il-gvern irid li n-nisa jinvolvu ruħhom aktar minn qatt qabel fid-dinja tax-xogħol u fil-politika. Għal dan l-għan, meta ġie elett dan il-gvern, il-manifest tiegħu kien jinkludi miżuri li għandhom l-intenzjoni li jżidu n-numru ta’ nisa fl-isfera leġiżlattiva. Interessanti li wieħed jinnota li minn din is-sena, hemm aktar nisa ta’ bejn il-15 u l-24 snin li huma attivi fis-suq tax-xogħol minn irġiel tal-istess età. Dan juri li l-bidla fil-mentalità li qed jimbotta dan il-gvern qed tiġi mismugħa kemm min-nisa nfushom iżda wkoll minn min iħaddem.
Nota: Is-16-il Jum ta’ Attiviżmu jkopru mill-25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru li jibdew fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa u jispiċċaw il-ġimgħa d-dieħla bil-Jum tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-għan ta’ din il-kampanja hu li tiġi ispirata azzjoni biex twaqqaf il-vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet.