Il-Ministru Carmelo Abela attenda għas-36 Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankonija (OIF), li saret fil-Prinċipat ta’ Monako mit-30 sal-31 ta’ Ottubru 2019. Din hija l-ewwel konferenza ministerjali tal-OIF li għaliha attendiet Malta minn meta kisbet l-istatus ta’ osservatur matul is-17-il summit tal-OIF li sar f’Yerevan fl-2018.
It-tema kumplessiva tal-konferenza ministerjali kienet Reconciling Humanity and the Planet: Prospects within the French-Speaking World as the OIF Turns 50, li matulha l-ministri ddiskutew l-irwol attiv storiku u futur tal-organizzazzjoni fis-salvagwardja tal-ambjent.
Fl-indirizz tiegħu għall-konferenza ministerjali, il-Ministru Abela rrimarka li din it-tema hija partikolarment viċin il-qalb għal Malta waqt li semma l-impenn li ilha għaddejja tagħha “favur l-armonizzazzjoni tal-pjaneta tagħna u tal-umanità”. Il-ministru saħaq li d-dinja tinsab f’mument kritiku fejn in-nuqqas tat-tibdil fil-klima se jkollu riperkussjonijiet avversi fil-futur. Il-bidla fil-klima għandha titqies bħala l-ikbar sfida li qed tiffaċċja l-umanità. Il-komunità internazzjonali teħtieġ li tgħaddi mill-kliem għall-azzjoni u tħaddan miżuri urġenti biex itaffu l-effetti tal-bidla fil-klima.
Filwaqt li fakkar fl-irwol attiv ta’ Malta bħala Stat osservatur tal-OIF, il-Ministru Abela rrefera għall-kollaborazzjoni kontinwa bejn TV5 Monde u PBS u r-rieda ta’ Malta li tikkollabora aktar ma’ organizzazzjonijiet oħra assoċjati mal-OIF, jiġifieri l-Agence Universitaire de la Francophonie, Association Internationale des Maires Francophones (AIMF), l-Université Senghor, u l-Assemblée Parlamentaire de la Francophonie.
Il-ministru fakkar ukoll il-kommemorazzjonijiet tal-ewwel Jum Internazzjonali Frankofoniku li sar f’Malta f’Marzu 2019, u jistenna bil-ħerqa ċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tal-OIF fl-2020. Il-Ministru Abela temm billi tenna l-impenn ta’ Malta għall-għaqda u s-solidarjetà bħala l-aqwa approċċ fiż-żamma tal-paċi u l-għarfien madwar id-dinja. Dawn il-valuri ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ Malta mal-OIF u l-promozzjoni tal-lingwa Franċiża f’Malta.
Fil-marġini tal-konferenza, il-Ministru Abela kellu wkoll laqgħa bilaterali ma’ Zaki Anwar Nusseibeh, Ministru tal-Istat tal-Emirati Għarab Magħquda, li matulha saru diskussjonijiet dwar relazzjonijiet bilaterali.