Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, iltaqa’ mas-Sinjura Pascale Moreau, id-Direttriċi il-ġdida tal-Uffiċċju Ewropew tal-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati (il-UNHCR), li assummiet dan l-irwol wara li serviet bħala rappreżentanta tal-UNHCR fit-Turkija.
Il-laqgħa kienet kordjali ħafna, u ż-żewġ naħat qablu li l-immigrazzjoni għadha l-isfida li teħtieġ l-aktar attenzjoni mill-komunità internazzjonali.
Is-Sinjura Moreau spjegat f’aktar dettall il-ħidma li għaddejja mill-UNHCR bi tħejjija għall-Patt Globali dwar ir-Refuġjati, li mistenni jkun lest fis-sena elfejn u tmintax.
Iż-żewġ partijiet esprimew tħassib dwar is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà fil-Libja, u l-ħtieġa li tiġi indirizzata b’mod urġenti l-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu ażil f’dan il-pajjiż.
Is-Sinjura Pascale faħħret l-impenn ta’ Malta għal immaniġjar aħjar tal-isfida tal-immigrazzjoni u l-protezzjoni tar-refuġjati kif ukoll tal-fajls relatati mal-politika tal-UE fuq l-immigrazzjoni u r-refuġju tul il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Il-Ministru Abela feraħ bil-kooperazzjoni eċċellenti bejn l-awtoritajiet Maltin u l-UNHCR, filwaqt li faħħar il-ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda biex tgħin lill-Refuġjati madwar id-dinja. Huwa assigura lis-Sinjura Moreau bl-appoġġ ta’ Malta fix-xhur u s-snin li ġejjin.