Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela laqa’ grupp ta’ tfal mill-iskola St Jeanne Antide fil-Gudja u l-Kulleġġ de la Salle fil-Birgu, fejn dawn tkellmu mal-Ministru dwar inizjattiva għal kawża ġusta li wettqu fil-ġimgħat li għaddew.
It-tfal ippreparaw madwar 100 pupu tal-Milied li nbiegħu bil-fondi jmorru għal Dar Bjorn, bis-somma miġbura sa issa tlaħħaq l-€2,000. Barra minn hekk it-tfal ħolqu wkoll xi riċetti u sajru ħelu relatat maż-żmien tal-Milied.
Il-Ministru Carmelo Abela faħħar dan l-għan nobbli u nnota kif minkejja l-isfidi tal-pandemija dawn it-tfal qabżu sew l-ammont li ġabru s-sena li għaddiet. Huwa fakkar lit-tfal ukoll kif flimkien mal-isforzi tagħhom, bint il-Prim Ministru Giorgia Mae ukoll għażlet li f’dan il-Milied tgħin lil min mhux neċessarjament se jirċievi xi rigal billi ħolqot l-inizjattiva tar-rigali fi Pjazza Kastilja.
Min-naħa tagħhom it-tfal tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fl-iskola u waqt il-preparamenti biex saru dawn il-pupi kif ukoll dwar kif l-istil tal-ħajja tagħhom evolva waqt il-pandemija.
Fi tmiem il-laqgħa t-tfal ippreżentaw wieħed minn dawn il-pupi lill-Ministru Abela u s-Sinjura tiegħu Melanie, filwaqt li talbu lill-Ministru jwasslilhom pupu ieħor liċ-ċkejkna Giorgia Mae.