Illejla l-Ministru Carmelo Abela mar id-Depot fejn ta stqarrija u reġa’ ċaħad bl-iktar mod qawwi allegazzjonijiet li qed isiru fuqu minn Jason Azzopardi, li hu kien involut fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank HSBC ħdax-il sena ilu.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Ministru Carmelo Abela qal li għamel stqarrija dwar kalunja fil-konfront tiegħu.
Spjega li lill-pulizija preżentalha kopja tad-dikjarazzjoni bil-ġurament li diġà kien ipreżenta fil-Qorti fil-kawża ta’ libell kontra Jason Azzopardi.
Il-Ministru Abela innota li minkejja li bdew il-proċeduri tal-libell u Jason Azzopardi kellu sal-lum biex jippreżenta r-risposta tiegħu, dan baqa’ ma rrispondiex.
Il-Ministru Carmelo Abela spjega li minbarra li ta dan id-dokument lil Pulizija, huwa esprima d-disponibbiltà tiegħu li jikkopera bis-sħiħ biex inneħħi kwalunkwe dubju dwaru u biex toħroġ il-verità sħiħa.
Il-Ministru Carmelo Abela sfida lil Jason Azzopardi biex jagħmel bħalu u hu wkoll imur għand il-pulizija ladarba għoġbu jagħmel l-allegazzjonijiet.
Hawnhekk il-Ministru staqsa għalfejn Jason Azzopardi għadu sal-lum il-ġurnata ma stqarrx mal-Pulizija dak li qed jallega u baqa’ sieket.
Saħaq li hu jistenna li f’kull każ, il-pulizija tibgħat għalih minnufih u tinterrogah.
Żied jgħid li min għamel din il-gidba tiegħu, primarjament il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa flimkien mad-deputat Jason Azzopardi.
Carmelo Abela saħaq li t-tnejn li huma urew fl-aħħar ġimgħat li lesti jassoċjaw ruħhom fl-istrateġiji tal-kriminali biex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom.
Temm jgħid li hu minn dejjem laqa’ kull investigazzjoni li se tikkonferma li hemm kalunja u konġura fil-konfront tiegħu.