L-importanza ta’ djalogu miftuħ u onest sabiex ikompli jitjieb il-ħarsien tal-interessi tal-ħaddiema, kienet it-tema prinċipali fuq l-aġenda tal-ewwel laqgħa uffiċjali bejn il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali u r-relazzjonijiet industrijali Carmelo Abela, mal-General Workers’ Union. Huma qablu li l-Gvern u l-imsieħba soċjali huma bżonn xulxin hekk kif flimkien jistgħu jkomplu jimbuttaw ‘il quddiem l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet u benefiċċji ġodda, għall-ġid tal-ħaddiema.
Il-Ministru Abela semma li hemm numru ta’ sfidi li hemm bżonn jiġu diskussi, iżda b’rieda tajba bejn l-imsieħba soċjali u li jinġibed ħabel wieħed bil-għan li jissaħħaħ il-pajjiż għandna naslu. Hawn huwa nnota iż-żewġ sfidi ewlenin li l-Gvern se jaħdem fuqhom mal-imsieħba soċjali, li huma l-isfida tal-ħlas indaqs għal xogħol ta’ valur ugwali, u s-sħubija mandatorja fil-unions.
Il-Ministru Abela innota kif dan hu Gvern li jagħti widen lill-pożizzjonijiet imressqa mill-imsieħba soċjali. Dan hekk kif il-proposta’ ta’ ‘equal pay for equal work’ kienet ġiet inkluża fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2017 wara eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-istess imsieħba soċjali. Il-ministru qal li llum il-gvern qed iwettaq dak li wiegħed hekk kif bħalissa għaddejjin preparamenti għal diskussjonijiet eventwali fuq kif din tista’ tiġi mwettqa, u mhux jekk għandhiex tiġi mwettqa.
Il-Ministru Abela enfasizza l-impenn tal-Gvern biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom u jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Fi kliem il-Ministru Abela, “meta jkollok ħaddiema kuntenti, jkunu aktar produttivi, dejjem jekk ikollhom il-kundizzjonijiet xierqa. Irridu nkomplu naraw li l-investiment li jinġieb f’pajjiżna jkollna ħaddiema li qed jibbenefikaw minnu dak l-investiment. It-tkabbir ekonomiku jrid jinżel iżjed ‘l isfel u jintlaħaq b’mod partikolari minn dawk li jeħtieġu li jkunu sostnuti”. Żied jgħid li t-tkabbir eknomiku għandu jtella’ ‘l fuq familji u ħaddiema li għandhom bżonn sostenn. Id-djalogu soċjali għandu jintuża sabiex inkunu aktar kompetittivi bħala pajjiż filwaqt li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Huwa kkonkluda billi rringrazzja lill-GWU talli sa mill-bidu nett dejjem ħadmet favur il-ħaddiema kollha kemm huma, hu x’inhu x-xogħol tagħhom.