Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela wera t-tħassib ta’ Malta fir-rigward tal-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni soċjali fil-platform economy, filwaqt li appella għal xogħol iċċentrat fuq il-bniedem f’era ta’ ħidma ġdida bħal din. Dan qalu waqt li kien qed jieħu sehem f’vidjokonferenza informali tal-ministri Ewropej tal-impjiegi u l-politika soċjali, li ttellgħet mill-Presidenza Ġermaniża.
Huwa nnota kif id-dinja u l-Unjoni Ewropea għaddejjin minn revoluzzjonijiet ekonomiċi ġodda, u waħda minnhom hija l-platform economy – tip ta’ ekonomija, fejn il-kumpaniji madwar id-dinja jkunu bbażati fuq il-ħolqien ta’ komunitajiet u swieq diġitali li jippermettu lil gruppi differenti jinteraġixxu u jagħmlu tranżazzjonijiet online.
Il-Ministru Abela stqarr li l-Unjoni Ewropea tista’ tassisti billi tuża approċċ orizzontali u tirrikonċilja diversi reġimi legali u politiki f’oqsma differenti, f’pajjiżi differenti bħal f’oqsma relatati mal-kompetizzjoni, ix-xogħol, it-tassazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.
Huwa sostna li b’hekk kwalunkwe leġiżlazzjoni ġdida nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea tiżgura suq tax-xogħol ġust u kundizzjonijiet ekwi. Dan se jgħin lil min ifassal il-politika biex jifhem aħjar din l-ekonomija l-ġdida li qed tevolvi u biex joħroġ b’leġiżlazzjoni bbilanċjata.
Hawnhekk, il-Ministru Abela appella lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi riċerka u għodod biex tassisti lill-istati membri fil-ġbir u l-analiżi tad-data u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiċi fost l-istati membri.
Huwa rrimarka kif Malta temmen li l-partijiet interessati kollha għandhom jaqblu dwar id-definizzjonijiet applikabbli użati f’din it-tip ta’ ekonomija. Il-Ministru Abela saħaq li ma hemmx soluzzjoni li tapplika kulħadd.
Huwa temm jgħid li huwa evidenti li aktar attenzjoni hija meħtieġa għax-xogħol tal-pjattaforma online, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni Ewropea.
Għalhekk il-Gvern Malti jemmen bis-sħiħ li azzjoni proattiva fi ħdan il-platform economy hija meħtieġa b’reazzjoni leġiżlattiva għall-bidliet rapidi diġitali u tas-suq tax-xogħol. Liema azzjoni se tiżgura azzjoni f’waqtha u effettiva fi ħdan il-platform economy.
Ritratti: MSD