B’reazzjoni għall-istorja ppubblikata minn The Malta Independent illum, il-Ministru Chris Cardona qal fi stqarrija li hu ma jistax ikun fil-pussess ta’ din l-informazzjoni għax m’għandu ebda aċċess għall-inkjesta li qed issir dwar il-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.
Il-Ministru qal li huwa ċar li l-ġurnalisti tal-Proġett Daphne ġew imqarrqa b’informazzjoni mhux ivverifikata, li wassluhom jirrapportaw stejjer bla ebda bażi vertiera u ffabbrikati. Sostna qkoll li dawn jingħaqdu ma’ bosta tentattivi biex ikissrulu r-reputazjoni u l-karattru tiegħu, biex b’xi mod jippruvaw jorbtuh ma’ dan l-att barbaru.
Tenna li għal darb’oħra, dawn l-allegazzjonijiet ġew ipprovati li huma foloz, u appella lill-midja lokali u internazzjonali biex tħalli l-inkjesta u l-investigazzjonijiet jieħdu l-kors tagħhom.