Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, attenda l-laqgħa tal-Ministri Ewropej għad-Difiża fi Brussell bħala parti mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin.
Din il-laqgħa ddiskutiet l-għajnuna li qed tingħata lill-Ukrajna biex tkun tista’ tiddefendi t-territorju tagħha u l-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni mir-Russja. U fl-intervent tiegħu, il-Ministru Malti qal li pajjiżna se jibqa’ joffri l-għajnuna f’dawk l-oqsma li tista’ b’konformità mal-obbligi Kostituzzjonali tagħna.
Camilleri rrefera wkoll għall-isforzi ta’ Malta biex tappoġġja l-Formula ta’ Paċi tal-President Volodmyr Zelensky, permezz tat-tielet laqgħa għall-Konsulenti tas-Sigurtà Nazzjonali, li saret b’suċċess fostna fl-aħħar ġimgħat.
Il-Ministru rrimarka li l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfidi li jolqtu s-sigurtà tagħha u li ġejjin minn inħawi differenti. Għaldaqstant dawn għandhom jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom.
Hu ħa sehem ukoll fid-diskussjoni dwar l-iżviluppi kurrenti fil-Lvant Nofsani, il-Balkani tal-Punent u l-Afrika. Waqt din id-diskussjoni intwera t-tħassib dwar is-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà li qiegħda dejjem tmur għall-agħar.
Saħaq li l-attakk terroristiku tal-Hamas fuq Iżrael hu kundannabbli, iżda m’għandu qatt iwassal għall-qtil ta’ mijiet ta’ tfal innoċenti u nies ċivili biex wieħed jiddefendi ruħu.
Il-Ministru Camilleri saħaq li għandna ninsistu fuq djalogu, li jwassal għal waqfien mill-ġlied u finalment għas-soluzzjoni li jinħolqu żewġ stati.
Il-Ministri tad-Difiża ddiskutew ukoll l-iżvilupp tar-Rapid Deployment Capacity, li hi faċilità konġunta maħsuba biex tipprovdi lill-istati membri tal-UE bil-kapaċità li jassistu liċ-ċittadini Ewropej f’mumenti ta’ emerġenza.
Hawnhekk Camilleri nnota wkoll li l-Forzi Armati ta’ Malta taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ tim mediku fl-eżerċizzju konġunt.