Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru Grieg għall-Immigrazzjoni u l-Ażil, Dimitris Kairidis, fejn ħadu rendikont tas-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni fiż-żewġ pajjiżi u enfasizzaw dwar l-importanza ta’ koperazzjoni kontinwa fil-livell Ewropew biex jiġi żgurat li l-istati membri li jinsabu fuq il-fruntiera jirċievu l-appoġġ meħtieġ.
Iż-żewġ ministri qablu li jkomplu jikkontribwixxu flimkien ma’ pajjiżi oħrajn tal-Mediterran fi ħdan il-grupp tal-Med7 kif ukoll fuq livell bilaterali.
Sadanittant, il-Ministru Camilleri kien wieħed mill-kelliema fl-edizzjoni ta’ din is-sena tas-Summit ta’ Tessaloniki fis-sessjoni ddedikata għall-isfidi tal-migrazzjoni u l-immigrazzjoni fir-reġjun, flimkien ma’ Dimitris Kairidis, Ministru għall-Immigrazzjoni u l-Ażil tar-Repubblika Ellenika, u Beate Gminder, Deputat Direttur Ġenerali u Kap Tat-Task Force tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru enfasizza l-isfidi attwali fil-Mediterran ikkaratterizzati minn żieda qawwija fin-numru ta’ wasliet mir-rotta tal-Mediterran ċentrali u aktar riċenti mir-rotot tal-Lvant u tal-Punent tal-Mediterran.
Hu nnota wkoll tħassib dwar is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari bil-konflitt f’Gaza.
Il-Ministru Camilleri spjega l-progress li għamlet Malta fis-snin li għaddew, b’mod partikolari l-proċedura tal-ażil, li saret aktar effiċjenti, it-tisħiħ taċ-ċentri ta’ akkoljenza, it-tnaqqis tan-numru ta’ wasliet u l-investiment qawwi fis-sistema ta’ ritorn, inkluż it-twaqqif ta’ Returns Unit fi ħdan il-Ministeru u żieda fil-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u tranżitu.
Hu enfasizza kif Malta esperjenzat żieda fir-ritorni ta’ migranti mhux eliġibbli għall-protezzjoni internazzjonali, flimkien ma’ tnaqqis qawwi fil-wasliet irregolari, waqt li, għal darb’oħra, enfasizza l-ħtieġa li tiġi adottata politika ta’ migrazzjoni ġusta, ġeneruża ma’ min jeħtieġha u iebsa ma’ min jabbuża mis-sistema u m’għandux dritt li jibqa’ fit-territorju tal-UE.