Bħala Ministru tal-Gvern, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela u flimkien mal-Kabinett Laburista, Byron Camilleri kien strumentali biex ġab bidliet importanti. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista.
Għalhekk il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista mhi xejn għajr mossa oħra f’sensiela tal-Partit Nazzjonalista u l-faxxa estrema tiegħu, li għalihom kull min ma jaqbilx magħhom għandu jitlaq għax huma biss tajbin.
Intqal li bħala Ministru għall-Intern, Camilleri mexxa ‘l quddiem riformi importanti, fosthom proċess ta’ trasformazzjoni fil-Pulizija, kompla l-estensjoni tal-Pulizija tal-Komunità mal-pajjiż kollu, mexxa negozjati importanti biex il-korpi dixxiplinati kollha ngħataw kundizzjonijiet ġodda u aħjar.
Il-Partit Laburista semma wkoll ix-xogħol fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fejn intqal li Camilleri ma stenniex ir-rapport tal-Ombudsman biex ħa d-deċiżjonijiet li kellu jieħu. Fi tliet snin jinkiteb dan ir-rapport, Camilleri u l-Gvern kienu diġà bdew jaġixxu skont ir-rakkomandazzjonijiet ta’ bord ta’ inkjesta, u għalhekk l-aħħar tliet snin kienu tliet snin oħra ta’ azzjonijiet konkreti.
Intqal li dawn l-azzjonijiet konkreti biex filwaqt li jiddaħlu miżuri, riżorsi u jsiru investimenti ġodda fir-rijabilitazzjoni, jiġi assigurat li l-ħabs ma jmur lura qatt għal żmien Gvern Nazzjonalista, meta kien immexxi mill-priġunieri u kien suq għat-traffikanti tad-droga.