Waqt il-programm PaperScan fuq ONE, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, irreaġixxa b’rabta mal-każ fejn ġew aggrediti uffiċjali tal-Pulizija fil-Ħamrun – fejn ikkundanna b’mod qawwi dak li seħħ – kemm bħala Ministru, f’isem il-Gvern u anke bħala persuna li jgħix fis-soċjetà.
Huwa spjega kif fuq il-post, immedjatament waslet aktar assistenza, fejn l-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit, li mhux biss ikkalmaw is-sitwazzjoni, iżda wkoll arrestaw numru ta’ persuni, li għadhom jinsabu taħt arrest.
Il-Ministru Camilleri, qal li mhuwiex ġust li l-uffiċjali tal-Pulizija, jiġu aggrediti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, meta jkunu qed jipproteġu s-soċjetà.
Huwa żied jappella għal aktar rispett favur il-Pulizija, filwaqt li appella sabiex il-Qrati jassiguraw li tiġi utilizzata l-liġi, f’każijiet simili, fejn ġew aggrediti membri tal-kolpi dixxiplinati, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Camilleri, esprima l-fiduċija tiegħu fil-Korp tal-Pulizija – hekk kif fisser l-impenn tal-Gvern, li jidher biċ-ċar anke mill-investiment bla preċedent li sar.