Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, iltaqa’ ma’ Jim O’Callaghan, il-Ministru Irlandiż għall-Ġustizzja, l-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, fejn ittratta s-suċċess ta’ Malta fl-aħħar snin fl-indirizzar tal-isfidi marbutin mal-migrazzjoni irregolari u t-tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità.
Hu saħaq li, bl-isforzi ta’ Malta, kien hemm tnaqqis ta’ 93% fin-numru ta’ immigranti irregolari li ġew irreġistrati fl-aħħar ħames snin. Dan filwaqt li Malta rreġistrat ukoll l-ogħla rata ta’ ritorn ta’ immigranti fl-Unjoni Ewropea meta mqabbel mas-snin preċedenti.

Il-Ministru Irlandiż O’Callaghan spjega r-realtajiet li qed tiffaċċja l-Irlanda fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari.
Minbarra l-migrazzjoni, iż-żewġ Ministri ddiskutew ukoll kwistjonijiet relatati mal-Pulizija u r-rata tal-kriminalità.
Il-Ministru Camilleri rrefera għar-rapport akkademiku annwali magħruf bħala Crimemalta Observatory Report, li kkonferma li, fl-2024, Malta baqgħet pajjiż sigur u stabbli, b’rata ta’ kriminalità baxxa.
Il-Ministru O’Callaghan irrimarka li l-Irlanda wkoll għandha rata ta’ kriminalità baxxa u x’passi ttieħdu li wasslu għal tali suċċess.
Sadanittant, il-Ministru Malti ltaqa’ wkoll ma’ Hans Leijtens, id-Direttur Eżekuttiv tal-aġenzija Ewropea Frontex.
Hawn hu saħaq dwar ir-rwol importanti tal-Frontex fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u rringrazzja lill-aġenzija għall-appoġġ kontinwu li tagħti lil pajjiżna.