L-Aġenzija Identità ma tippermettix il-ħażin, u fejn ikun hemm il-ħażin din tirrapporta u tieħu l-miżuri.
Tkellem dwar dan il-Ministru għall-Intern u x-Xogħol, Byron Camilleri, waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist tal-MaltaToday, Kurt Sansone.
Il-Ministru Camilleri, spjega kif din l-aġenzija żiedet iċ-checks and balances, tant li għandha fi ħdanha wkoll Compliance Unit, bi skrutinju kontinwu.
Meta mistoqsi b’rabta ma’ każ ta’ barranin li allegatament akkwistaw permessi ta’ residenza b’mod illegali, huwa qal li kienet l-aġenzija nnifisha li rraportat lil dawn in-nies lill-Pulizija, tant li diġà tressqu xi persuni l-Qorti, anke qabel ġew ippubblikati dawn l-allegazzjonijiet fil-midja.
Qal, “Jekk xi ħadd jipprova jgħid li dal-każ qam u l-Aġenzija Identità ċċaqalqet għax xi ħadd tkellem dwaru, ikun fatwallment skorrett. Huwa fatt li l-Aġenzija stess irrappurtat u ttieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Mela xi tfisser Kurt? Li hemm aġenzija li l-ħażin ma tippermettihx.”
Huwa ċċara wkoll il-fatt, li ma sarx ċaqliq għax xi ħadd tkellem dwaru, iżda kienet l-aġenzija stess li rrapurtat kull allegat abbuż.
B’rabta ma’ diversi allegazzjonijiet dwar indirizzi tar-residenzi, huwa qal li l-persuni kkonċernati tressqu quddiem Identità u l-Housing, kif ukoll ġew irraportati lill-Pulizija.
Il-Ministru Camilleri qal kif huwa dejjem kien trasparenti u dejjem ta l-kummenti lill-midja – bl-istess mod jista’ jingħad għal Identità li dejjem wieġbet lill-midja u anke ħarġet diversi stqarrijiet.
Semma wkoll kif dan xpruna wkoll spezzjonar, kemm fit-toroq, fir-residenzi u fil-postijiet tax-xogħol – bl-għan dejjem tkun li jwassal għal ġustizzja.
B’rabta mal-barranin f’pajjiżna, il-Ministru Camilleri qal li dejjem ingħatat informazzjoni, kemm permezz ta’ mistoqsijiet parlamentari, u anke permezz ta’ statistiċi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Huwa spjega kif sa ftit wara li s-settur tax-Xogħol waqa’ taħt il-kappa tiegħu, kien inħass il-bżonn ta’ tibdil fil-Labour Migration Policy.
Il-Ministru Camilleri, semma wkoll sett ta’ prijoritajiet għal kull ħaddiem f’pajjiżna – fosthom li jissaħħu d-drittijiet, jiġi miġġieled l-abbuż, jingħata taħriġ għal kull ħaddiem, kif ukoll inħarsu lejn il-ħiliet.
“Irridu nsaħħu d-drittijiet tiegħu. It-tieni prinċipju huwa favur stabbiltà u retention. It-tielet punt huwa t-taħriġ, l-iskilling u l-upskilling ta’ kull ħaddiem li hawn f’pajjiżna. Ir-raba’ punt huwa importanti ħafna – li nħarsu aktar lejn skills-based approach.”
Meta mistoqsi dwar l-allegat abbuż fil-LESA, huwa qal li saru diversi rakkomandazzjonijiet li ġew implimentati, b’mandati kontra dawk li ma ħallsux iċ-ċitazzjonijiet.