Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, attenda laqgħa tal-MED5 li saret f’Las Palmas, Spanja, mal-Ministri responsabbli għall-Intern u l-Migrazzjoni tal-Greċja, l-Italja u Spanja. Ċipru pparteċipa wkoll fil-laqgħa iżda kien rappreżentat fil-livell ta’ Direttur.
Id-diskussjonijiet iffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Asil u l-Migrazzjoni u d-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni.
Il-Ministri ħadu rendikont tal-aħħar tendenzi migratorji fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, inkluż it-tnaqqis tal-wasliet mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u ż-żieda fil-wasliet mir-rotot tal-Punent u tal-Lvant tal-Mediterran. F’dan il-kuntest, il-Ministri enfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-pajjiżi MED5 jitqiesu kif xieraq meta jiġi implimentat il-Patt, inkluża l-importanza li jinżamm bilanċ bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà u li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ fondi suffiċjenti.
Il-Ministri enfasizzaw ukoll l-importanza tad-dimensjoni esterna, partikolarment il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi dwar il-prevenzjoni u r-ritorni. Huma qablu wkoll dwar il-ħtieġa għal sħubijiet strateġiċi ma’ pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u tranżitu bbażati fuq fiduċja reċiproka u approċċ ta’ rotta sħiħa.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq “Huwa importanti li nżidu l-isforzi tagħna biex nevitaw vjaġġi irregolari, li jwasslu għal telf ta’ ħajjiet u li niġġieldu l-kuntrabandisti u n-networks ta’ kuntrabandu tagħhom.”
“Grazzi għall-isforzi li għamel il-Gvern Malti f’dawn l-aħħar snin, kemm fuq id-dimensjoni esterna kif ukoll interna, in-numru ta’ wasliet irregolari naqas b’mod kostanti. Fl-istess ħin, ir-rata ta’ ritorni żdiedet gradwalment. Is-sena li għaddiet, l-ekwivalenti ta’ 83% tal-wasliet irregolari ġew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom peress li ma kkwalifikawx għall-asil”, innota l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri enfasizza r-relazzjoni ċara bejn ir-rata ta’ ritorni ta’ migranti li mhumiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u vjaġġi irregolari. Il-Ministru appella għal soluzzjonijiet vijabbli fit-tul ibbażati fuq kooperazzjoni aktar b’saħħitha ma’ pajjiżi terzi, sforzi akbar dwar ir-ritorni, u l-ġlieda kontra n-netwerks tal-kuntrabandu.
Il-Ministri ta’ Malta, Greċja, Italja, u Spanja, u d-Direttur Ċiprijott tas-Servizz tal-Asil, iffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta b’antiċipazzjoni għal-Laqgħa Ministerjali dwar l-Implimentazzjoni tal-Patt, li ser ssir bejn id-29 u t-30 ta’ April