Is-sigurtà fil-Mediterran ġiet diskussa waqt taħditiet f’Bengażi li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu mal-Field Marshal Khalifa Haftar.
Iż-żewġ naħat qablu li jkun hemm aktar koperazzjoni bejniethom primarjament fit-taħriġ, fl-edukazzjoni u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-attivitajiet kriminali.
“Ħadd ma għandu jkollu l-iċken dubju li s-sitwazzjoni u l-qagħda tas-sigurtà fil-Libja għandhom impatt dirett kemm fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u anke fuq in-naħa t’isfel tal-Ewropa. Il-kollaborazzjoni bejn il-Libja u pajjiżi ġirien bħal Malta, tissarraf fil-ħarsien taċ-ċittadini Maltin u Libjani u l-interessi tagħhom fiż-żewġ pajjiżi,” saħaq il-Ministru Camilleri.
Fit-taħditiet bejn iż-żewġ naħat il-Ministru Camilleri kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Christopher Cutajar, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, il-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Clinton O’ Neill, id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili Peter Paul Coleiro,u l-Ambaxxatur għall-Immigrazzjoni Malcolm Cutajar, fost oħrajn.
Ritratt: MHSE