Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Piantedosi.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern hekk kif ġie spjegat li l-laqgħa saret f’Ruma, biż-żewġ Ministri jenfasizzaw ir-relazzjoni b’saħħitha bejn iż-żewġ pajjiżi u kif minkejja d-differenza fid-daqs, Malta u l-Italja għandhom realtajiet u sfidi komuni.
Matul il-laqgħa l-Ministri Camilleri u Piantedosi qablu dwar il-ħtieġa biex tiżdied il-koperazzjoni fil-prevenzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-immigranti bil-għan li jiġu evitati mwiet fuq il-baħar. Iż-żewġ Ministri qablu dwar il-ħtieġa biex jikkollaboraw fil-qasam tar-ritorn lejn il-pajjiż t’oriġini ta’ dawk li ma jistħoqqilhomx ażil u biex ikomplu l-ħidma għal sħubija strateġika ma’ pajjiżi terzi ewlenin b’mod partikolari l-Libja u t-Tuneżija.
Fi tmiem il-laqgħa, iż-żewġ pajjiżi qablu li jiltaqgħu aktar b’mod regolari kemm fuq livell tekniku u anke politiku biex flimkien u b’mod effettiv jindirizzaw l-isfidi komuni li għandhom.