Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri attenda għal-laqgħa tal-Kunsill Informali tal-Ministri tal-Intern f’Varsavja, il-Polonja. Il-laqgħa ffokat fuq il-migrazzjoni, is-sigurtà interna tal-Unjoni Ewropea u t-tħejjija ċivili u militari tal-UE.
Il-Ministru Camilleri nnota li l-migrazzjoni irregolari għadha fuq nett tal-aġenda politika tal-UE u li minkejja t-titjib irreġistrat is-sena l-oħra fir-rigward tal-prevenzjoni u r-ritorn, għad hemm ħafna aktar xi jsir. Huwa rrefera kif Malta rnexxielha taħdem għal tnaqqis drastiku ta’ wasliet irregolari fl-aħħar snin.
B’mod partikolari, il-Ministru enfasizza l-importanza ta’ qafas legali ġdid dwar ir-ritorn li jispeċifika obbligi u konsegwenzi ċari għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn persuni rimpatrijati. L-abbuż tas-sistema segwit min-nuqqas ta’ kooperazzjoni m’għandux ikun sors ta’ gwadann.
Il-Ministru enfasizza wkoll il-ħtieġa li tiżdied il-ħidma fuq soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni irregolari, inkluż it-twaqqif ta’ ċentri ta’ ritorn. F’dan ir-rigward, il-Ministru nnota l-ħtieġa għal impenn akbar ma’ pajjiżi terzi ewlenin ta’ oriġini u tranżitu, inkluż permezz tal-finalizzazzjoni ta’ ftehimiet komprensivi u ta’ benefiċċju reċiproku.
Il-Ministru Camilleri enfasizza l-ħtieġa ta’ Strateġija ta’ Unjoni ta’ Tħejjija robusta u ħolistika li tirrifletti l-vulnerabbiltajiet, il-prijoritajiet, u r-realtajiet uniċi ta’ kull Stat Membru, filwaqt li tirrispetta wkoll il-politika ta’ sigurtà u difiża ta’ Stati Membri speċifiċi, bħal Malta, li hija kostituzzjonalment newtrali.
Il-Ministru Camilleri nnota kif l-istrateġija futura ta’ sigurtà interna tal-UE għandha tibni fuq kisbiet eżistenti, tevalwa oqsma ta’ titjib, u taħdem fuq approċċ ta’ sigurtà li jiżgura li l-karatteristiċi tas-sigurtà jiġu integrati fi strumenti leġiżlattivi futuri u dokumenti relevanti oħra mill-bidu nett.