Fil-bidu tal-ġimgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg mexxa delegazzjoni li pparteċipat fit-13-il konferenza ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li qed tittella’ f’Abu Dhabi fl-Emirati Għarab Magħquda.
Matul din il-laqgħa internazzjonali, il-Ministru Ian Borg sostna li pajjiżna jemmen fl-irwol importanti li għandha l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u s-sistema internazzjonali ta’ regolamenti tal-kummerċ li din tirrappreżenta. “It-13-il laqgħa hija opportunità sabiex nagħmlu progress importanti fuq numru ta’ temi kummerċjali essenzjali sabiex ikun hemm kummerċ aktar sostenibbli bejn il-164 pajjiż,” qal il-Ministru Borg.
Il-Ministru enfasizza l-importanza ta’ progress fuq is-sistema ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li jinkludi mekkaniżmu ta’ appell. Kompla jgħid kif huwa essenzjali li l-moratorju fuq tranżazzjonijiet elettroniċi tkun estiża għaliex din hi prijorità biex jibqgħu jkunu protetti n-negozji żgħar u medji. Huwa fakkar ukoll kif Malta tapprezza li jkunu konklużi wkoll in-negozjati tal-arranġament li jindirizza s-sussidji tas-sajd.
Huwa kkonkluda billi qal li Malta tappoġġja l-ħidma li qed tiġi ppjanata għall-14-il Konferenza Ministerjali li se tkun qed issir fil-Kamerun.
Matul iż-żjara tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Ministru Borg iltaqa’ mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, ix-Sheikh Abdullah bin Zayed bin Sultan Al Nahyan. Matul din il-laqgħa ġew diskussi l-impatt fuq il-kummerċ li qed tkompli tħalli l-invażjoni Russa fl-Ukrajna kif ukoll l-instabbiltà fil-Lvant Nofsani b’mod partikolari fil-Baħar l-Aħmar, kawża tal-aħħar żviluppi f’Gaża. Fuq kollox komplew jiġu mitkellma r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, bil-għan li l-popli jkunu jistgħu jgawdu mill-ħidma li qed issir.
Il-Ministru Ian Borg kellu laqgħa wkoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Antigua u Barbuda Chet Greene.