F’laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, appella lill-Unjoni biex issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mar-reġjun tal-Qarn tal-Afrika. Huwa qal li l-Etjopja, fejn għadu kif għamel żjara uffiċjali, qed tfittex li ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala protagonista reġjonali.
Il-Ministru Borg enfasizza l-importanza li jsir djalogu biex jitfasslu strateġiji komuni mal-Unjoni Afrikana sabiex tiġi indirizzata l-instabilità, li tħalli effett fuq ir-reġjun tal-Mediterran.
Il-Ministru Borg irrimarka wkoll li l-migrazzjoni hija fattur kritiku biex tiġi indirizzata l-istabbiltà fl-Afrika ta’ Fuq.
Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tibqa’ sieħba affidabbli għat-Tuneżija u tassisti fit-trasformazzjoni tal-isfidi attwali billi tkompli bl-investiment kummerċjali, partikolarment fis-settur tal-enerġija.
“Il-messaġġ tiegħi, bħala Malta, kien l-importanza tad-djalogu, li nisimghu lil sħabna t-Tuneżini u naraw kif nistgħu nassistu. Iva, hemm bżonn ir-riformi, imma hemm ukoll bżonn l-għajnuna sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu t-tibdiliet li hemm bżonn, li jħallu anke lok li dan il-pajjiż ikompli jiżviluppa, anke mill-aspett soċjoekonomiku.”
Il-Ministri Ewropej kellhom ukoll laqgħa mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tas-sitta pajjiżi msieħba tal-Balkani tal-Punent.