Waqt li qiegħed f’Londra, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu laqgħa bilaterali oħra mas-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit Lord David Cameron.
Diskussjoni importanti fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa kienet il-ħidma reġjonali u multilaterali, primarjament dik relatata mal-Ukrajna u l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Hawnhekk kienet diskussa wkoll il-ħidma li qed issir bejn iż-żewġ pajjiżi fuq livell ta’ Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u kif flimkien jista’ jkun hemm koordinament aħjar. Kienet diskussa wkoll il-Presidenza li ħa jkollha Malta f’April li ġej ta’ dan il-Kunsill importanti.
Fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa ġew diskussi wkoll ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Huma qablu dwar il-ħtieġa li għall-ġid taż-żewġ popli din ir-relazzjoni tkompli titkattar u tittejjeb. “Ħerqana li nkomplu naħdmu flimkien sabiex ikun implimentat il-qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit li ffirmajna s-sena li għaddiet. Dan se jkompli jqarreb liż-żewġ pajjiżi flimkien għal aktar kooperazzjoni f’setturi varji, primarjament fejn jidħol il-kummerċ,” qal il-Ministru Ian Borg.
Waqt din il-laqgħa kienu diskussi wkoll il-prijoritajiet ta’ Malta għall-OSCE u kif nistgħu naħdmu flimkien fuq bosta kunflitti li għandna fir-reġjun ta’ madwarna.
“L-immigrazzjoni irregolari hija ta’ tħassib għaż-żewġ gvernijiet, kemm fejn tidħol ir-rotta tal-Mediterran iżda wkoll ħabba l-isfida ta’ meta l-immigranti jimxu minn pajjiż Ewropew għall-ieħor. Huwa essenzjali li naħdmu flimkien sabiex niġġieldu din il-pjaga ta’ kriminalità u traffikar,” tennew il-Ministru Ian Borg u Lord David Cameron.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju għall-Affarijiet Barranin tar-Renju Unit Lord David Cameron faħħar il-ħidma ta’ Malta u apprezza l-irwol attiv li qed jieħu pajjiżna f’bosta fora multilaterali fosthom l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-OSCE.
Ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, il-Commonwealth u s-sitwazzjoni fil-Libja kienu wkoll fuq l-aġenda ta’ din il-laqgħa.
Ritratt: MFET