Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar it-tħejjijiet għall-Malta Eurovision Song Contest, li hu l-akbar spettaklu televiżiv f’pajjiżna kull sena.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Bonnici faħħar lit-tim organizzattiv għax-xogħol li wettaq bi preparazzjoni għal dan il-festival u saħaq li dan l-avveniment jiċċelebra mhux biss it-talent lokali, iżda wkoll jipprovdi pjattaforma importanti ferm quddiem udjenza internazzjonali.
Akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-PBS, Mark Sammut, il-Ministru temm jispjega li l-ħidma se tissokta biex il-festival ikompli jkun ta’ suċċess sena wara oħra u jibqa’ jkun appuntament annwali li l-familji Maltin u Għawdxin jistgħu jgawdu bla ħlas grazzi għall-istazzjon nazzjonali.
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Eurovision Malti, il-PBS ta 12-il għotja ta’ €5,000, biex il-kantanti finalisti pproduċew vidjow mużikali għal kull kanzunetta finalista.
Illum il-Ħamis se tittella’ serata fejn kull parteċipant se jkun qed jippreżenta l-interpretazzjoni tal-kanzunetta bil-vidjow u l-pubbliku se jkun jista’ jivvota biex flimkien mal-ġurija jintagħżel l-aħjar wieħed.
Għada l-Ġimgħa, imbagħad, se ssir serata speċjali mal-kantanti kollha fi vjaġġ ta’ nostalġija mid-dinja tal-Eurovision, filwaqt li nhar is-Sibt li ġej issir is-serata finali tal-Malta Eurovision Song Contest 2024.
Hawn issir l-għażla permezz tal-ġurija u l-vot tal-pubbliku biex tintagħżel il-kanzunetta li se tirrappreżenta lil Malta f’Malmo, l-Iżvezja, f’Mejju li ġej.