Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar il-FEE Fest, avveniment fuq tlett ijiem organizzat minn Nature Trust fil-Hub għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-fiera, li issa qiegħda fir-raba’ sena konsekuttiva tagħha, tipprovdi opportunità lill-istudenti biex jitgħallmu dwar l-ambjent mill-preżenza ta’ bosta entitajiet li jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti relatati mal-edukazzjoni ambjentali u mal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. Din il-fiera hi organizzata bħala parti mill-programm EkoSkola.
Il-Ministru Bonnici faħħar inizjattivi ta’ din is-sura minħabba li jipprovdu lok edukattiv li jżid l-għarfien dwar l-importanza tal-ambjent ta’ madwarna.
Il-Ministru żied li l-parteċipazzjoni tal-istudenti madwar Malta u Għawdex fil-programm ta’ EkoSkola attwalment hi ta’ 83%. “Aħna qegħdin niżguraw li l-istudenti tagħna jingħataw aktar possibilitajiet biex iwessgħu l-għarfien tagħhom lil hinn mill-aspett tradizzjonali tal-edukazzjoni, billi nipprovdulhom l-għodda neċessarja li permezz tagħha huma jistgħu jqanqlu għarfien dwar is-suġġett ukoll,” qal il-Ministru Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.
Wasteserv, Prayer Spaces, Free Trade, PreFab, Young Reporters for the Environment, Learning About Forests, SharkLab u Nature Trust kienu kollha preżenti għall-fiera.
Il-hub fejn tittella’ din il-fiera ngħata lil Nature Trust mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, biex juru l-aħjar prattiċi u taħriġ fejn għandha x’taqsam l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli.