Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ingħata r-rwol ta’ Kap tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-Parlament.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Ministru Bonnici tenna li jinsab onorat bil-fiduċja li wera fih il-Prim Ministru biex inħatar f’din il-kariga, li se tiżdied mar-rwoli Ministerjali li diġà jservi fihom. Qal li se jkun ta’ privileġġ li juża l-esperjenza tiegħu biex isiru aktar bidliet u riformi pożittivi li joħorġu mill-programm elettorali tal-Gvern, ‘Malta Flimkien’, li kiseb l-akbar appoġġ popolari fl-istorja nazzjonali.
Waqt li esprima l-apprezzament għall-ħidma tad-Deputat Mexxej Chris Fearne, il-Ministru Bonnici qal li, f’din il-pożizzjoni, se jassigura li l-Parlament jitmexxa b’sens ta’ għaqda u maturità kif mistenni mill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.