Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici, indirizza avveniment fi Strasburgu li ttella’ fl-okkażjoni tas-70 sena mill-Konvenzjoni Kulturali Ewropea.
Il-Ministru Bonnici tkellem fuq l-importanza tal-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa fil-kamp tal-Protezzjoni tal-patrimonju storiku kemm fejn tidħol il-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, li ddeskrivieha bħala żvilupp importanti ferm, u anke fejn jidħlu inizjattivi oħra li twieldu anke bis-saħħa tal-kisba tal-Konvenzjoni.
Dr Bonnici saħaq li l-konvenzjoni kabbret l-għaqda fost fil-ġnus, saħħet il-wirt storiku u assigurat li d-demokrazija Ewropea tkompli timxi ’l quddiem.
“Il-kultura hija l-pont li jgħaqqad il-passat mal-futur u permezz ta’ din il-konvenzjoni bnejna sisien li jġibu flimkien il-kulturi diversi u jgħaqqduna fil-valuri Ewropej,” qal Dr Bonnici.
Huwa fakkar ukoll kif f’Ġunju 2023, Malta ngħaqdet mal-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Rotot Kulturali, liema proġett kien żvilupp fuq il-Konvenzjoni nnifisha.
Spjega kif dawn se joffru l-pjattaformi ideali biex jippromwovu l-istorja u l-wirt għani ta’ Malta, u jqajmu kuxjenza dwar it-teżori kulturali ta’ gżiritna madwar l-Ewropa u lil hinn.
Dr Bonnici qal ukoll li f’Jannar ta’ din is-sena, Malta ħadet pass importanti ieħor fl-impenn tagħha lejn il-ħarsien tal-wirt kulturali billi approvat ir-ratifika ta’ tliet konvenzjonijiet tal-UNESCO u UNIDROIT, kif ukoll żewġ protokolli relatati.
Dawn il-konvenzjonijiet jiffukaw fuq il-protezzjoni tal-wirt kulturali fi żminijiet ta’ kunflitt jew terroriżmu u fuq il-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu fi proprjetà kulturali li ġej mill-gwerra, it-terroriżmu transnazzjonali, u l-kriminalità organizzata.
Dr Bonnici qal illi s-sena d-diehla, Malta se tilħaq tragward importanti billi se tippresjedi l-Kumitat tal-Ministri, u magħha tiġi opportunità unika biex ikollha rwol ċentrali f’waħda mill-aktar inizjattivi kulturali stmati tal-Ewropa: il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew.
Irrefera għall-kisbiet li saru fl-aħħar snin fosthom fl-2020 bl-inklużjoni tal-Ftira, l-arti kulinari u l-kultura tal-ħobż, fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli.
Fl-2021, l-Għana, it-tradizzjoni tal-għanjiet folkloristiċi Maltin, ingħatat ukoll rikonoxximent għar-rwol tagħha fil-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet orali tagħna, il-wirt mużikali, u l-istejjer tal-poplu Malti.
Is-sena l-oħra, il-festa Maltija ġiet rikonoxxuta għas-sinifikat kulturali tagħha bħala wirt intanġibbli mill-UNESCO.
Qal li Malta qed tħares ukoll b’interess biex tissieħeb lejn il-fond ta’ appoġġ kulturali Eurimages, immexxi mill-Kunsill tal-Ewropa, hekk kif dan jipprovdi aċċess għal networking effettiv u għotjiet finanzjarji sostanzjali biex tappoġġja koproduzzjonijiet internazzjonali, li jippermettu l-ħolqien ta’ films, dokumentarji, u serje televiżivi li jinvolvu kollaborazzjoni bejn diversi pajjiżi Ewropej.