F’laqgħa mal-Bord tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici saħaq li dan il-bord għandu jiżgura li jwettaq bl-aħjar mod l-obbligi tiegħu.
Il-Ministru nnota li l-membri tal-awtorità ġabu magħhom esperjenza vasta, diversa u awtorevoli, li tispira fiduċja ta’ serjetà fit-tħaddim tal-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
L-Awtorità, li twaqqfet fl-għaxra ta’ Jannar, għandha diversi funzjonijiet, fosthom li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.
L-awtorità għandha wkoll l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi, filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.