Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għat-Teatru Manoel Opera Week li se tibda bil-produzzjoni ġdida tal-opera ta’ Wolfgang Amadeus Mozart, Don Giovanni, li se tittella’ bejn il-5 u 11 ta’ Marzu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar it-teatru waqt il-provi u nnota kemm il-livell ta’ dawn l-attivitajiet kulturali f’pajjiżna dejjem qiegħed jitjieb. “Iż-żieda kostanti tan-numru tal-udjenzi huwa sinjal ċar li s-settur kulturali tagħna qiegħed jaqbad il-momentum li ħaqqu permezz tal-istrateġija tagħna li npoġġu l-arti u l-kultura fuq quddiem nett tas-soċjetà tagħna,” saħaq il-Ministru Bonnici.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici iltaqa’ mal-cast u crew ta’ Don Giovanni. Il-cast huwa magħmul minn kantanti tal-opri lokali kif ukoll barranin, taħt id-direzzjoni ta’ Jack Furness – kollaborazzjoni li tgħin biex inrawmu t-talent lokali biex nipprovdu livell għoli f’din il-produzzjoni. Wieħed ma jistax ma jsemmix lis-soprani Maltin Claire Debono u Nicola Said, kif ukoll it-tenur Malti Cliff Zammit Stevens li jagħmlu parti minn dan il-cast spettakolari. Id-direttur mużikali għal din il-produzzjoni huwa Philip Walsh.
Il-Ministru Bonnici nnota wkoll li produzzjonijiet bħal dawn ma jistgħux iseħħu mingħajr crew tekniku li jifforma parti importanti ħafna mix-xena kulturali. Huwa mitlub li jkun hemm numru kbir sew ta’ nies biex iseħħ avveniment bħal dan: sinjal ċar li s-settur kulturali u kreattiv qiegħed jara żieda fil-qasam tal-karrieri.
Min-naħa tagħhom, l-amministrazzjoni tat-teatru qalet li bis-saħħa tax-xogħlijiet estensivi fir-rinovazzjoni u restawr biex it-teatru jiġi ppreservat u aġġornat issa l-istaġun teatrali tat-teatru jista’ jiġi estiż, b’hekk jista’ jkun hemm aktar avvenimenti għall-udjenzi biex jattendu u japprezzawhom.