Il-Ministru responsabbli mit-Trasport u l-Infrastruttura, Chris Bonett, qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jiltaqa’ mal-Kamra tal-Periti ħalli jiddiskuti fid-dettal il-proġett tal-Imsida.
F’kitba fuq Facebook, il-Ministru qal li hu nnota li l-proposta tal-Kamra tal-Periti ġabet diversi reazzjonijiet differenti li, min-naħa tiegħu, ma jistax jinjorahom.
Ingħad li l-proposta tal-Periti, li dehret s’issa, tikkonsisti f’disinn jew tnejn, li għalkemm mil-lat viżiv ipaxxu l-għajn, iqajmulu numru ta’ mistoqsijiet dwar l-immaniġġjar tat-traffiku.
Il-Ministru staqsa wkoll x’libertà għandu f’dan l-istadju biex ivarja jew ibiddel il-proġett u x’konsegwenzi legali u finanzjarji jista’ jkun hemm meta l-ippjanar fuq dan il-proġett beda madwar ħames snin ilu.
Hawnhekk hu nnota wkoll li l-Gvern diġà biddel il-pjani ta’ dan il-proġett wara li saret konsultazzjoni wiesgħa u ħareġ tender pubbliku, li ntrebaħ minn konsorzju u f’April li għadda ġie ffirmat il-kuntratt għall-proġett.
Skont dan il-kuntratt, il-proġett mistenni jibda fix-xhur li ġejjin, b’sittin fil-mija minnu ddedikati għal spazji pubbliċi.
Dan il-proġett fl-Imsida, li se jiswa madwar ħamsa u tletin miljun ewro u mistenni jkun konkluż f’madwar tletin xahar, se jara l-bini ta’ flyover ġdida biex tieħu post il-junction tat-traffic lights, waqt li hu l-ewwel proġett infrastrutturali maġġuri li jkopri ftehim għal rabta ta’ għaxar snin biex isir xogħol ta’ operat u manutenzjoni.
“Serrħu raskom li jien l-ewwel wieħed li dan il-proġett irridu jkun l-aħjar wieħed possibbli”, temm jgħid il-Ministru Chris Bonett.