Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ipparteċipa f’konferenza importanti fil-Libja li qed tlaqqa’ l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, kapijiet ta’ istituzzjonijiet, membri parlamentari, akkademiċi, professjonisti, ġurnalisti, għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem u l-maġġoranza tal-kbarat tat-tribujiet minn kull naħa tal-Libja.
Il-konferenza bl-isem ta’ Sirte 2 ittellgħet bħala sinjal ta’ ottimiżmu li dan proċess replika li jista’ tassew jgħaqqad lill-pajjiż. F’dan il-kuntest, din il-konferenza qed titqies bħala żvilupp pożittiv fix-xena politika nazzjonali tal-Libja.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo għamel analoġija fejn qabbel il-mappa tal-Libja ma’ qalb ta’ bniedem, u spjega li biex il-qalb tħabbat u l-bniedem jgħix, il-partijiet diversi tagħha jridu jaħdmu flimkien għal għan wieħed.
Jekk il-partijiet ma jaħdmux flimkien, u agħar minn hekk, jekk il-partijiet jiġġieldu kontra xulxin, il-qalb tieqaf u l-persuna tmut. L-istess jgħodd għal-Libja – il-partijiet u n-nies differenti kollha tal-Libja għandhom jingħaqdu u jaħdmu flimkien biex pajjiżhom jgħix.
Waqt li esprima solidarjetà mal-poplu Libjan, li ilu snin ibati f’kundizzjonijiet ħżiena u b’nuqqasijiet ta’ servizzi bażiċi bħad-dawl u l-ilma, il-Ministru Bartolo saħaq li s-soluzzjoni biex jingħeleb dan il-jasar jibqa’ d-djalogu politiku kostruttiv għaliex waqt li l-kompromess iweġġa’, il-ġlied u l-gwerer iweġġgħu aktar.
Huwa kkonkluda b’appell biex jitwarrbu d-differenzi u biex il-partijiet kollha jaħdmu flimkien għall-ġid tal-Libjani kollha. “Libja magħquda tista’ tkun wieħed mill-aktar pajjiżi sinjuri fil-Mediterran. Dan huwa pajjiżkom, ħuduh lura, u aħdmu flimkien”, temm il-messaġġ tal-Ministru Bartolo.