Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ħa sehem f’konferenza virtwali tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea flimkien mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika, Michael Pompeo li fiha ġew diskussi dwar kwistjonijiet importanti li jolqtu mill-qrib ir-relazzjoni transatlantika.
Waqt din il-Konferenza l-Ministri għall-Affarijiet Barranin saħqu fuq il-front magħqud li jeżisti fuq divesi kwistjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unit. Iżda għamlu aċċenn għal numru ta’ kwistjoni li jeħtieġu iżjed kordinazzjoni u sforzi miftehma.
Rigward il-kwisjoni fil-Libja, il-Ministru Bartolo qal li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom jaħdmu biex jikbu l-fiduċja mqar tal-partijiet involuti jew tal-anqas tal-Libjani nfushom.
Huwa sostna li l-messaġġ ewlieni għandu jkun: “Libja waħda għal-Libjani u mhux teatru tal-gwerra fejn dawk li għandhom interessi ġeo-politiċi u fl-enerġija jinqdew b’ħaddieħor biex jiġġieldu kontra xulxin.”
Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li għandu jkun hemm appoġġ reċiproku bil-għan li jkun hemm għaqda bejn il-Libjani permezz tal-proċess politiku tal-Ġnus Magħquda biex b’hekk ikunu huma stess li jfasslu l-futur tagħhom għall-ġid tal-poplu tagħhom.
Dan għaliex jekk id-destin tal-Libja se jiġi deċiż minn pajjiżi oħra, l-interess tal-poplu Libjan mhux se jkun meqjus u għalhekk mhu se jkun hemm l-ebda stabbilità u paċi fil-Libja. Dan kollu jmur kontra l-interessi kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Uniti.