Il-Professur Kevin Aquilina, eks dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università, qed jibqa’ jinsisti li l-kelma “saħħa” għandha titlaq mill-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu l-Gvern irid iħares lil dawk in-nisa li, waqt it-tqala, jaffaċċjaw kumplikazzjoni medika.
Iżda f’kummenti lil ONE News, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, ma jaqbilx u jsostni li mara m’għandhiex titħalla tasal f’xifer il-mewt biex tingħata l-kura meħtieġa.
Il-Ministru Attard insista li, fejn ikun hemm periklu ta’ saħħa gravi li jista’ jwassal għall-mewt, il-kura meħtieġa trid tibda tingħata minnufih biex tipprevjeni l-agħar ċirkostanzi. Dak huwa l-għan tal-abbozz kif ippreżentat, li jieħu ħsieb li ma jkunx hemm telf ta’ ħin biex ħajjet il-mara tkun imħarsa. Saħansitra, f’każ ta’ periklu imminenti, lanqas il-ħtieġa li jkun hemm it-tliet speċjalisti ma teżisti.
Il-Ministru Attard kien qed jikkummenta meta mistoqsi dwar id-dikjarazzjoni ta’ Aquilina f’The Malta Independent, fejn qal li “kieku l-Gvern kien qed jaġixxi b’rieda tajba kien jillimita għal ċirkostanzi fejn jeżisti l-periklu tal-mewt. Xejn iktar u xejn inqas.”
Iżda l-Ministru Attard sostna li mhux l-iskop tal-Gvern li jara li l-mara tkun waslet fix-xifer qabel wieħed jibda jagħti l-kura, u għalhekk ir-referenzi għall-perikli u perikli gravi għas-saħħa kienu prinċipji li l-Gvern qatt ma seta’ jiċċaqlaq minnhom.
“Gvern effettiv huwa gvern li jisma’, imma li mbagħad ikollu l-kuraġġ li jwettaq. Huwa l-obbligu tagħna li nressqu ’l quddiem din l-emenda sabiex inħarsu kemm lit-tobba tagħna u kif ukoll lill-ommijiet prospettivi minn proċeduri kriminali f’mument daqstant sensittiv fit-tqala tagħhom. Aħna se nibqgħu nkunu l-Gvern li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet kuraġġużi biex insaħħu l-qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna u nassiguraw li ċ-ċittadini tagħna jirrikorru għal-servizz ta’ saħħa mingħajr biża u xkiel,” qal il-Ministru Attard.