Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, indirizza t-tnedija ta’ proġett internazzjonali intiż li jsaħħaħ l-Aċċess għal Ġustizzja Ċentrata fuq in-Nies, organizzata mill-OECD u ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea.
L-avveniment, li sar f’Malta, ġabar mistiedna distinti u esperti minn diversi pajjiżi biex jiddiskutu l-importanza ta’ sistema ġudizzjarja li tagħti prijorità lill-ħtiġijiet tal-individwi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard laqa’ lil dawk li attendew u esprima gratitudni lejn ir-rappreżentanti tal-OECD u d-DG Reform għall-għarfien imprezzabbli u l-appoġġ tagħhom biex Malta tospita dan id-djalogu internazzjonali. Huwa rrikonoxxa l-preżenza ta’ mistednin internazzjonali mill-Irlanda, mill-Olanda u mill-Italja, kif ukoll parteċipanti li ngħaqdu online.
Il-Ministru Attard iddeskriva l-viżjoni strateġika tal-Ministeru għall-Ġustizzja li għandha l-għan li ttejjeb l-effettività u l-aċċessibbiltà tas-sistema ġudizzjarja. Huwa enfasizza l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ is-servizzi tal-medjazzjoni u l-aribtraġġ, kif ukoll l-għajnuna legali. Din il-viżjoni strateġika hija intiża li tindirizza l-isfidi ewlenin li tiffaċċja s-sistema ġudizzjarja, u jipprijoritizza l-ħtieġa li n-nies jinżammu fil-qalba tas-sistema ġudizzjarja.
Il-Ministru spjega fid-dettall l-investimenti sinifikanti li saru matul dawn l-aħħar sentejn, li rriżultaw fl-akbar korp tal-ġudikatura fl-istorja ta’ Malta. Huwa indirizza wkoll il-ħtieġa għal strutturi ta’ governanza mtejba fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja biex tkompli tissaħħaħ il-kontabbilità u t-trasparenza. Huwa nnota l-isforzi li għaddejjin biex tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ ġustizzja diġitali mmirata lejn is-simplifikazzjoni tal-proċessi fost l-entitajiet tal-ġustizzja.
Il-Ministru għamel referenza għar-riformi li għaddejjin, inkluż it-twaqqif ta’ qorti kummerċjali u l-introduzzjoni ta’ Maġistrati Inkwirenti speċjalizzati. Huwa enfasizza l-importanza li jiġu rrispettati l-prinċipji deskritti fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-ħtieġa li l-ġustizzja tingħata f’waqtha, li hija kruċjali biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema legali.
Il-Ministru Attard enfasizza l-impenn tal-ministeru għal teħid ta’ deċiżjonijiet parteċipatorju, fejn semma’ eżempji ta’ konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet interessati fir-riforma għal Ġustizzja aktar Effettiva għall-Vittmi tad-Drogi u r-riforma tal-Qorti tal-Familja. Huwa enfasizza l-importanza li l-pubbliku jiġi involut f’diskussjonijiet biex jiġi żgurat li r-riformi jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dawk li jiffaċċjaw ostakli fis-sistema ġudizzjarja.
L-aċċess għall-ġustizzja kienet ukoll tema ċentrali tad-diskors tal-Ministru, b’enfasi fuq l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, inklużi l-vittmi tal-vjolenza domestika u l-anzjani.
Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, il-Ministru Attard esprima fiduċja li l-proġett imniedi fl-avveniment ser jipprovdi lil Malta bl-għodda meħtieġa biex tavvanza l-approċċ tagħha ta’ ġustizzja ċċentrata fuq in-nies. Huwa rringrazzja lis-sħab internazzjonali kollha għall-appoġġ u l-gwida tagħhom f’dan il-vjaġġ vitali lejn sistema ġudizzjarja aktar inklużiva u aċċessibbli.