Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja li ltaqa’ fil-Lussemburgu. L-aġenda ta’ dan il-kunsill kienet tinkludi diversi temi importanti, fosthom il-qalba għall-ġustizzja diġitali u d-drittijiet umani, l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna u diskussjoni fuq direttiva li tipproponi l-armonizzazzjoni ta’ numru ta’ aspetti ta’ insolvenza.
“Id-dispożizzjonijiet dwar l-azzjonijiet revokatorji huma ta’ benefiċċju għall-proċedimenti ta’ insolvenza peress li jikkontribwixxu għall-għan ta’ rkupru ogħla tal-assi. Għalhekk, b’mod ġenerali, Malta tappoġġja l-għanijiet ġenerali ta’ din id-direttiva proposta. Fil-fatt, l-Att dwar il-Kumpaniji tagħna diġà fih provvedimenti li permezz tagħhom jittratta diversi azzjonijiet li qed jiġu proposti,” tenna l-Ministru Attard.
Dan il-kunsill tal-ministri kien ukoll opportunità għall-istati membri biex jiddiskutu sfida komuni fost diversi pajjiżi, dik relatata mal-ħidma li qed isir biex tissaħħaħ l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġustizzja. Hawnhekk il-Ministru Attard tkellem dwar ir-riformi u l-investiment bla preċedent li qiegħed iwettaq pajjiżna. Semma fost l-oħrajn l-investiment fil-qasam diġitali, b’fondi mill-Fond ta’ Irkupru u r-Reżiljenza, bl-intenzjoni li tkun implimentata l-Istrateġija Nazzjonali Diġitali fil-Ġustizzja. Irrifera wkoll għat-tisħiħ fil-ġudikatura, fil-prosekuzzjoni u l-ħaddiema fil-qrati, fejn illum għandna l-akbar għad ta’ persuni jservu fis-settur.
Fil-marġini ta’ dan il-kunsill, il-Ministru Attard kellu wkoll laqgħa bilaterali mas-Segretarju tal-Istat Ġermaniża Angelika Schlunck, fejn ġew diskussi numru ta’ temi ta’ interess u koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.