Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard giddeb u xejjen għal kollox il-qerq u l-ispin li qed tipprova tagħti l-Oppożizzjoni li bir-riforma tal-inkjesti Maġisterjali se “jinqatlu” x’inkjesti.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li l-Partit Nazzjonalista ddefendih meta alluda l-qtil mal-Gvern, qal li inkjesti bħal fosthom fuq l-omiċidji ta’ Karin Grech u Raymond Caruana, “jinqatlu”.
Il-Ministru Jonathan Attard xejjen għal kollox dan.
“Dak li naqas milli jgħid Aquilina huwa li se jkun hemm terminu li fih għandha tkun konkluża inkjesta. Minn hemm, l-istess inkjesta tmur għand l-Avukat Ġenerali li għandha tiddeċiedi s-segwenti; jinbdew jew ma jinbdewx proċeduri, jintbagħtu l-atti lura lill-Maġistrat u għaldaqstant titkompla l-inkjesta, fejn jibdew jgħaddu sentejn oħra jew il-Maġistrat tibgħat l-atti lill-Pulizija biex tkompli tinvestiga.”
Din l-ispjega ċara x’tgħid ir-riforma ġġib fix-xejn id-dikjarazzjonijiet tal-Oppożizzjoni li qed tqarraq.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq li din il-parti tar-riforma saret biex nifhmu li hemm ċerti reati kumplessi, iżda fl-istess waqt irridu nkomplu naħdmu favur ġustizzja effiċjenti u effettiva, li ma tħallix fosthom lill-vittmi u lill-qraba fl-għama għal għomorhom.