Kien fl-1994 meta Gvern, immexxi mill-Partit Nazzjonalista, ta maħfra Presidenzjali lil wieħed mill-akbar traffikanti tad-droga li qatt inqabdu f’pajjiżna, il-Brażiljan Francesco de Assis Queiroz.
Kien każ li xxokkja l-pajjiż u ħoloq rabja kbira għall-Partit Nazzjonalista li, l-istess bħal-lum, ma kienx jitlef okkażjoni waħda biex ipinġi lilu nnifsu bħala paladin tas-saltna tad-dritt.
Queiroz kien inqabad bi tliet kilogrammi droga kokaina b’valur fis-suq ta’ nofs miljun lira Maltin jew kważi żewġ miljun ewro ta’ dak iż-żmien. U minkejja dan kollu, Gvern Nazzjonalista ħafirlu u ħallieh imur lura pajjiżu bħala raġel ħieles.
Dan il-każ reġa’ tqajjem fl-aħħar jiem fil-Parlament meta l-Ministru attwali għall-Gustizzja, Jonathan Attard, f’seduta Parlamentari fejn mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienu qegħdin, bħas-soltu, jippontifikaw dwar is-saltna tad-dritt, hu ppubblika ittra ta’ tletin sena ilu li dak iż-żmien kien kiteb l-Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet.
F’din l-istess ittra, li qatt ma rat id-dawl tax-xemx qabel illum, Borg Barthet jagħti ħasla papali lill-awtoritajiet dak iż-żmien talli taw maħfra lit-traffikant tad-droga Brażiljan, waqt li jispjega kif, bħala Avukat Ġenerali, hu ma kienx informat u wisq inqas ikkonsultat bid-deċiżjoni.
Dak iż-żmien Gvern Nazzjonalista kien ġab l-iskuża li ried jeħles lil Queiroz, għax, skont il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, Joe Fenech, dan kellu l-marda tal-Hepatitis u li kien se jiswa ħafna flus biex il-Gvern Malti jikkurah.
L-ittra bil-parir mediku li Queiroz kellu din il-marda kienet iffirmata mit-Tabib Frederick Fenech, li jiġi ħu l-istess Ministru.
Raġuni oħra li kien ta Gvern Nazzjonalista għal din il-maħfra oxxena kienet li l-Brażiljan “kien qed iġib ruħu tajjeb fil-ħabs”.
Minn sentenza ta’ tnax-il sena ħabs, Queiroz kien għamel biss tliet snin, imbagħad qabad ajruplan u mar lura pajjiżu bħala raġel kompletament ħieles.
Min kien li qabbad lil Queiroz biex idaħħal id-droga kokaina f’Malta baqa’ misteru, għax Gvern Nazzjonalista ħalliha għaddejja.
Fost il-Ministri li kien hemm fil-Kabinett Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien u, sal-lum, għad għandhom influwenza kbira fil-Partit Nazzjonalista kien hemm Louis Galea.
Fl-aħħar snin, Galea kien wieħed mill-perċimes biex tqaċċat Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista u hu magħruf għall-qrubija tiegħu mal-għaqda Repubblika, immexxija min-Nutar tal-Kurja tal-Arċiqsof Robert Aquilina, ħu d-Deputat tal-fazzjoni estremista, Karol Aquilina.
Dak iż-żmien tal-maħfra ta’ Queiroz, kien hemm ukoll Richard Cachia Caruana, li kien l-Assistent Personali tal-Prim Ministru Nazzjonalista. Cachia Caruana hu viċin ħafna ta’ Karol Aquilina u Repubblika.
Dawn kollha jippontifikaw ħafna dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.