F’Kunsill ieħor tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd, fejn fih ġew diskussi numru ta’ suġġetti kruċjali, il-Ministru Malti Anton Refalo saħaq fuq l-importanza li jingħata aktar appoġġ immirat lill-bdiewa fl-istess ħin li jiġu promossi riżultati ambjentali u soċjali, permezz ta’ inċentivi finanzjarji.
Dwar it-tibdil fil-klima u l-impatt li qed tħalli fuq il-bdiewa, il-Ministru tenna li hu essenzjali li jiġu implimentati miżuri ta’ tħejjija robusti biex jipproteġu l-għajxien u jiżguraw ir-reżiljenza tas-settur.
“Nemmnu wkoll li għandha tiżdied l-għajnuna li tingħata lis-settur tal-majjal u t-tiġieġ, minħabba l-fatt li dawn ma jibbenefikawx mill-istess għajnuniet li jingħataw lil setturi oħrajn, u b’hekk nemmnu li dawn is-setturi għandhom ukoll jirċievu għajnuna speċifika, li tindirizza l-ħtiġijiet partikolari tagħhom, biex jibqgħu kompetittivi,” tenna l-Ministru.
Hu saħaq ukoll dwar l-importanza li l-istati membri jkollhom l-għodod legali meħtieġa li jippermettu interventi ad hoc effettivi u effiċjenti, ikkumplimentati mill-għajnuna mill-istat u appoġġa l-proposta tal-Ġermanja, li tgħid li għandu jkun hemm żieda fl-allokazzjonijiet lil kull stat.
Dr Refalo kkonkluda li l-UE trid tkun sensittiva għall-sfidi li qed jiffaċċjaw kemm il-bdiewa kif ukoll l-amministrazzjonijiet, “u l-attenzjoni ewlenija tagħna għandha tkun li niżguraw il-kompetittività u s-sostenibbiltà fit-tul għas-settur tal-biedja permezz tal-Politika Komuni Agrarja (PAK).”