Aktar kmieni din il-ġimgħa fi Brussell, il-Ministru Anton Refalo, flimkien mal-kumplament tal-Ministri Ewropej taħt il-Presidenza Ġermaniża, attenda għall-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura, fejn enfasizza punti ta’ interess għal Malta fid-diskussjonijiet dwar il-Politika Agrikola Komuni tal-Unjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Refalo qal li għandu jkun żgurat li l-istati membri jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi allokati għalihom. Dan sabiex il-bdiewa ma jirċevux inqas fondi milli qegħdin diġà jirċievu mill-arranġamenti preżenti.
Il-Ministru Refalo tenna li hemm bżonn ta’ aktar flessibbiltà li tirrifletti wkoll iċ-ċokon tal-operat Malti partikolarment fejn jidħlu l-art u d-daqs tal-irziezet.
Huwa semma wkoll l-importanza ta’ aktar impenn biex jintaħqu l-miri globali fit-tibdil fil-klima għax dan iħalli impatt dirett fuq is-settur agrikolu.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ntqal li l-Ministeru hu kommess li jkompli jkun ta’ vuċi għall-bdiewa u r-raħħala sabiex dan is-settur ikompli jingħata l-importanza li jixraqlu.
Ritratt (MAFA)