Il-Ministru Carmelo Abela reġa’ ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li semma d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar attentat ta’ hold-up mill-bank tal-HSBC, ħdax-il sena ilu.
Sigħat wara li għamel talba biex il-Qorti tiftaħ b’urġenza ħalli jiftaħ libell kontra Jason Azzopardi, il-Ministru Carmelo Abela tkellem waqt kollegament telefoniku fuq ir-radju tal-Knisja, waqt il-programm tal-Professur Andrew Azzopardi.
Il-Ministru Carmelo Abela saħaq ukoll li Jason Azzopardi qiegħed f’konfoffa mal-kriminali.
Qal, “Jiena kategorikament niċħad dawn l-allegazzjonijiet malafamanti u giddieba u tant ċħadthom li lbieraħ ftaħt il-Qorti b’urġenza biex nagħmel libell ħalli niddefendi l-integrità tiegħi u naturalment dan il-logħob u dan il-gideb min-naħa ta’ Jason Azzopardi għandu jieqaf.”
Eżatt qabel tkellem il-Ministru Abela, il-preżentatur tkellem ukoll f’kollegament telefoniku mad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Hawnhekk Jason Azzopardi żamm lura milli jżid ma’ dak li kiteb il-Ġimgħa fuq facebook.
Fi kliemu qal li m’għandu jżid xejn u għalkemm kien hu nnifsu li semma allegazzjonijiet fil-Parlament, qal li dak li kiteb il-Ġimgħa kien fid-dominju pubbliku.
Meta l-preżentatur qallu li se jdaħħal lil Carmelo Abela f’kollegament telefoniku u jekk irid jibqa’ fuq il-linja, jista’ jagħmel dan biex jirribatti, Jason Azzopardi dlonk wieġeb li m’għandux għalfejn u li se jaqta’.
https://www.one.com.mt/2021/04/10/bil-filmat-il-ministru-carmelo-abela-jmur-il-qorti-u-jiftah-libell-kontra-jason-azzopardi/