Il-Ministru Carmelo Abela ppubblika l-imejls li rrefera għalihom fl-aħħar jiem Jonathan Ferris u mill-kontenut tal-imejls jidher b’mod ċar li fl-ebda ħin ma kien hemm indħil mill-Ministru f’xi investigazzjoni. Għalkemm Ferris kien qed jagħmel dawn l-allegazzjonijiet, fl-ebda ħin ma ta l-imejl li kien qed jirreferi għalih il-ġurnalist, xi ħaġa li ħass li kellu jagħmel il-Ministru Abela. Jirriżulta li uffiċjali fil-Ministeru ta’ Abela, meta kien responsabbli mill-Intern, staqsa lill-Ferris għal update dwar il-każ minħabba li fil-midja kienu saru xi lmenti li każ fejn persuna kienet vittma ta’ frodi ma’ kienx qed ikun segwit kif suppost. L-imejl juri li Ferris wieġeb u qal li l-każ kien għadu qed ikun investigat u ddeskrivih bħala kumpless u kien hu li qal lill-Ministru li se jżommu aġġornat.
Għal dan wieġeb il-kap tal-Customer Care tal-Ministru Abela li qal li kull ma kien qed jitlob huwa aġġornament ta’ x’sar. Dan fid-dawl tal-ilment li kien hemm li l-pulizija setgħet ma kienitx qed tieħu l-każ bis-serjetà. Hawn Ferris qal li f’dak il-każ min qed jagħmel l-ilment seta’ jagħmel appuntament u jiltaqa’ miegħu.
Fl-aħħar jiem Ferris prova jtella’ l-aspettativa dwar din l-istorja u filwaqt li qed ikun assistit mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li dan huwa ndħil f’xogħlu. Il-Ministru ċaħad dan b’qawwa u qal li kull ma ntalab kien tagħrif biex kif qed jirriżulta jingħata serħan il-moħħ lill-vittma ta’ allegat frodi li l-każ tagħha kien qed ikun segwit.
Id-dikjarazzjoni ta’ Ferris, mingħajr ma kien ippubblikat l-imejl, waslet biex il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jitlob riżenja tal-Ministru, bil-Partit Laburista jwieġeb u jgħid li l-livelli ta’ opportuniżmu politiku tal-Partit Nazzjonalista qed iġibuh f’sitwazzjoni fejn joħroġ biċ-ċar li ma jafx xi jrid. Dan għax filli jistaqsi lill-Ministri fhix waslu l-investigazzjonijiet u filli jitkaża għaliex Ministru staqsa fhix waslet investigazzjoni wara lment li rċieva li l-istess investigazzjoni setgħet ma kienitx qed titmexxa bis-serjetà.
“Min jgħid li dan l-intervent kien indħil mhux xieraq qiegħed iqarraq. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għal darba oħra qed jinqabad f’kontradizzjoni biex jogħġob l-establishment li wiegħed li jneħħi,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied jgħid dan għax filli jgħid li jrid l-informazzjoni u filli jitlob ir-riżenja ta’ min talab l-informazzjoni. “Jekk irid riżenji ta’ responsabbiltà politika għandu jibda billi jdur dawra madwaru u jsib sensiela minn fost dawk li sas-sajf li għadda wiegħed li jneħħi u llum spiċċa jibża’ li jneħħu lilu,” temm jgħid il-Partit Laburista lil Delia.