Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela ppreżenta relikwa tal-Venerabbli Papa Ġwanni Pawlu I lid-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr. Martin Micallef.
Din ir-relikwa tikkonsisti minn biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu. Dan kien possibbli bl-intervent ta’ Frank Zammit, l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede.
Il-Papa Ġwanni Pawlu I, magħruf ukoll bħala Papa Luciani jew il-Papa tat-Tbissima, kellu pontifikat ta’ 33 ġurnata biss u baqa’ magħruf għat-tbissima ħelwa tiegħu u s-sempliċità li kien jgħix fiha.
Fil-fatt, il-motto episkopali tiegħu kien ‘umiltà u permezz ta’ dawn il-karatteristiċi li kellu, kien mistenni li jwettaq bidliet kbar fil-knisja universali.
Tul il-pontifikat qasir tiegħu, fl-Udjenza Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 1978, Papa Ġwanni Pawlu I kien tkellem dwar il-persuni bi bżonnijiet speċjali.
“Jien irrid ngħid kelma anke dwar l-għeżież tagħna bi bżonnijiet speċjali. Intom tafu li Ġesù qal hekk: ‘Jien nistaħba fihom; dak li tagħmlu magħhom tkunu qed tagħmluh miegħi’, allura fil-persuni tagħhom aħna nkunu qed nivveneraw lill-istess Ġesu u nawgurawlhom li Ġesu jibqa’ viċin tagħhom sabiex jgħinhom u jsostnihom.”
Kien proprju għalhekk li d-Dar tal-Providenza semmiet parti mill-binja tagħha għal dan il-Papa.
Villa Papa Luciani kienet inawgurata fit-8 ta’ Settembru 1987, proġett li għalih ħadem il-fundatur ta’ din id-dar, Mons. Azzopardi, li miet xhur biss wara li tlesta dan iċ-ċentru.
Ir-relikwa ta’ Papa Luciani kienet tagħmel parti mill-kollezzjoni kbira ta’ relikwi li għandu Ivan Marsura f’Ruma, kollezjonist Taljan li għandu wirja li fiha huma inkorporati 500 relikwa tal-aħħar 16-il Papa tal-Knisja Kattolika.
Waqt il-preżentazzjoni, il-Ministru Carmelo Abela faħħar il-ħidma kontinwa li l-ħaddiema u l-voluntiera qed jagħmlu ta’ kuljum fid-Dar tal-Providenza, li hija kruċjali u ta’ servizz għall-komunità Maltija.
Huwa żied jgħid li b’dan ix-xogħol qed jagħtu tifsira vera u proprja ta’ x’inhi l-imħabba lejn il-proxxmu.
Il-Ministru Abela kellu ukoll l-opportunità li jiltaqa’ u jitkellem ma’ xi residenti ta’ din id-dar.