Fis-seduta Parlamentari tal-Erbgħa waranofsinhar il-Ministru Jo Etienne Abela, kixef in-nuqqas ta’ kredibbiltà u anke direzzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, fejn jidħol il-qasam tant kruċjali tas-saħħa, anke jekk ripetutament jinfexxu f’retorika negattiva f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Abela kien qed jipparteċipa fid-dibattitu Parlamentari relatat mal-ftuħ ta’ dipartiment ġdid, li se jieħu ħsieb il-Bank tad-Demm, Ċelloli u Tessuti fejn ħabbar kif dan il-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Anke waqt il-ħin iddedikat għall-mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministru indirizza n-nuqqas ta’ qbil tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-proġett tal-Paola Hub, fejn il-kuntrattur ittieħed quddiem arbitraġġ mill-Gvern wara li dan m’onorax l-obbligi kuntrattwali tiegħu.
“Jekk għandek kuntrattur li qed jitlob ’il fuq minn €18-il miljun u l-arbitraġġ aġġudika li aħna fadlilna nħallsu biss nofs miljun ewro, dik mhux rebħa għall-Gvern u din mhux kwistjoni tal-Gvern, imma tal-poplu. Filli qed tgħidulna li għamilna sew li fittixna favur l-interess tal-poplu Malti u filli qed tgħidulna li fallejna u qed inħawdu. Jien onestament ma nistax nifhem.”
Ministru Jo Etienne Abela
Wara, fid-diskors tiegħu, il-Ministru Abela saħaq li, filwaqt li jaċċetta kull kritika, ma jista’ qatt jaċċetta dik li tkun ibbażata fuq il-qerq. Dan filwaqt li nnota wkoll kif il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Adrian Delia, isemmi biss il-każ tat-tliet sptarijiet.
Hawn stqarr li, għalkemm il-Gvern ħa t-tagħlimiet minn dan il-każ u qed jaħdem favur l-interess ta’ pajjiżna, is-settur tas-saħħa mhux biss dan.
Għall-kritika tad-Deputat Nazzjonalista, Ian Vassallo Hagi, b’rabta mat-twaqqif ta’ Northern Hub, il-Ministru Abela sostna kif, fid-dawl taċ-ċirkostanzi, ma jagħmilx sens li wieħed jiftaħ sptar ieħor li ma jkunx jista’ jitħaddem kif suppost.
“U allura la nafu li rridu sptar ikbar f’Għawdex u rridu nerġgħu nirriabilitaw St Lukes u Karin Grech l-istaff biex tliet snin, seba’ snin oħra, biex ikollna Northern Hub funzjonanti minn fejn se jiġu? Issa għidulna intom minn fejn se jiġu l-istaff.”
Ministru Jo Etienne Abela
Kien hawn li indirizza wkoll d-diskors b’rabta ma’ speċjalisti li jħallu pajjiżna, hekk kif innota li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn il-professjonisti qegħdin jerġgħu jirritornaw f’pajjiżna biex joffru servizz aqwa, anke fid-dawl tal-ftehimiet kollettivi li ġew iffirmati.
Dan apparti wkoll li għaddejja ħidma biex jiġu għadd ta’ konsulenti jservu f’oqsma varji fil-qasam tas-saħħa.
Rigward it-tnaqqis tal-listi ta’ stennija, il-Ministru Abela tkellem dwar il-fatt li l-MRIs tal-Gvern f’pajjiżna jaħdmu kważi l-ħin kollu, filwaqt li rribatta l-kritika tal-PN b’rabta mas-servizz tal-mobile MRI.
“Qed nużaw l-MRI scanners tal-privat, tgħidli xorta hemm il-wating lists, imma ma jfissirx li l-professjonisti li għandna mhumiex jaħdmu flat out, l-MRI scanners f’Mater Dei jieqfu biss sagħtejn kull ġurnata, l-ebda scanner ieħor fid-dinja ma jaħdem daqshekk.”
Ministru Jo Etienne Abela
Il-Ministru Abela kellu ċ-ċans jaqsam għadd ta’ ċifri rigward l-investiment fil-qasam tas-saħħa għas-sena d-dieħla kif imħabbar fil-Baġit, meta mqabbel mal-2012 fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
“Urejna figuri li ma jista’ jiċħadhom ħadd, figuri li saħansitra qed juru żieda fl-investiment f’dan is-settur, li jvarja minn bejn 200% għal żieda fenomenali ta’ ’l fuq minn 1,000%, għax imbagħad ħafna paroli nistgħu ngħidu, imma l-importanti s-sugu, l-importanti l-fatti.”
Ministru Jo Etienne Abela