Fil-Parlament, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ħabbar xogħlijiet fi proġetti importanti, li mistennija jiġu konklużi din is-sena u li se jtejbu l-livelli tal-kura tas-saħħa bħala parti mill-pjani ta’ investimenti relatati mill-Gvern f’Malta u f’Għawdex.
Tali investiment, li se jaraw qabża kbira fis-servizzi offruti b’xejn mill-Istat, jinkludu l-ħolqien ta’ helipad biswit l-Isptar Mater Dei biex ma jintilifx żmien fit-trasferiment ta’ pazjenti, li jkunu f’qagħda kritika, inkluż dawk li jintbagħatu minn Għawdex.
Hu ħabbar ukoll kif qed issir ħidma fit-tkabbir tal-Emerġenza fl-isptar ewlieni ta’ pajjiżna biex din tkun tista’ tilqa’ u tikkura mas-70 persuna f’daqqa.
Żied li se jkun hemm ukoll espansjoni tas-servizzi fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, l-ITU, biex jiġu inkorporati sezzjonijiet imsejħa acute mental units, li jilqgħu mal-mija u għaxar persuni li jsofru minn mard mentali akut.
Ma’ dan, il-kura tas-saħħa f’Għawdex se tkompli titjieb u tiġi faċilitata iżjed il-ħajja tal-pazjenti Għawdxin, bl-introduzzjoni ta’ magna ġdida tas-CT Scan fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Dan wara li, fl-aħħar jiem, għadha kemm bdiet taħdem l-ewwel magna tal-MRI fl-istess Sptar.
“CT scanner fl-Isptar t’Għawdex wasal biex jinbidel. Il-ġimgħa li għaddiet ħareg it-tender għal dan is-CT scanner ġdid.”
Minbarra hekk, il-Ministru Abela ħabbar ukoll li kimika meħtieġa fil-kura tal-kanċer issa se tibda tiġi prodotta f’pajjiżna. Tenna li, għal tul ta’ żmien pajjiżna kien jiddependi fuq pajjiżi terzi għas-Cyclotron, kimika li tintuża waqt id-djanjożi tal-kanċer.
Minkejja dan, qal li, aktar tard din is-sena, din se tibda ssir f’Malta u Għawdex biex ma nibqgħux dipendenti fuq ħaddieħor.
“Bi sħab bejn il-Ministeru tas-Saħħa, kif ukoll il-Malta Enterprise, nista’ ngħid, ħa nerġa’ nikkonferma, li aktar tard din is-sena, it-tagħmir tas-Cyclotron f’pajjiżna se jieħu forma, se jieħu ruħ, se jieħu struttura, biex f’Malta u Għawdex, il-pazjenti tal-kanċer Maltin u Għawdxin ma jibqgħux dipendenti aktar fuq din is-sorsa ta’ kimika essenzjali biex nittrattaw il-kanċers f’pajjiżna, ma nibqgħux niddependu aktar fuq pajjiżi barranin.”
B’rabta mal-kura tas-Saħħa Primarja, Jo Etienne Abela ħabbar li l-Gvern se jkun qed jiftaħ kliniċi godda fil-ġimgħat li ġejjin inkluż dawk fil-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa, is-Siġġiewi, Bormla, San Ġiljan, l-Imsida, is-Swieqi, il-Mosta u r-Rabat.
Dan filwaqt li ċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi baqa’ għaddej ix-xogħol kbir ta’ rinovazzjoni u ladarba jiftaħ se jkun qiegħed jiffoka anke fuq aspetti oħrajn, bħal dawn tal-obeżità u d-dijabete.
Hu qal li l-pjani għaddejjin ġmielhom biex il-kura medika tinqasam taħt diversi direttorati medici ħalli dawn il-progetti jkunu jistghu jitwettqu b’mod b’saħħtu u aktar malajr.