F’Budapest, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanita Attiva Jo Etienne Abela attenda għal-Laqgħa Informali tal-Ministri tas-Saħħa, mtella’ mill-Presidenza Ungeriza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi fosthom mard tal-qalb (kardjovaskulari), trapjanti ta’ organi u l-Ispazju Ewropew tad-Dejta dwar is-Saħħa (EHDS).
Fl-interventi tiegħu, il-Ministru Abela qal kif Malta għad għandha rata għolja ta’ mard kardjovaskulari li jgħodd għal terz tal-imwiet kollha f’pajjiżna. Huwa spjega l-ħidma ta’ Malta f’dan ir-rigward, fosthom, ix-xahar li għadda ġie mniedi qafas ta’ prevenzjoni kontra mard li ma jitteħidx (non-communicable diseases) li għandha twassal għal Strateġija Nazzjonali bil-għan li tkompli tindirizza l-isfida ta’ mard kardjovaskulari, fost mard ieħor.
Il-Ministru enfasizza li jeħtieġ li jkun hemm qafas Ewropew b’linji gwida robusti u appoġġ finanzjarju għall-inizjattivi ta’ promozzjoni u screening. Dr Abela semma kif pajjiżna ħadem u qed jaħdem fuq numru ta’ kampanji ta’ screening. Semma fost oħrajn il-kampanja ‘Say No To Stroke’ bil-għan li tindirizza fatturi ta’ riskju għall-puplesija minn kmieni.
Il-Ministru Abela ħeġġeġ ukoll sabiex Stat Membri żgħar u fil-periferija tal-Ewropa, bħal ma’ hi Malta, ikollhom l-appoġġ meħtieġ fl-akkwist ta’ mediċini ġodda u innovattivi, b’sistema ta’ joint procurement.
Meta kien qed jintervjeni fuq trapjanti ta’ organi, il-Ministru Abela stqarr, “Malta lesta li tappoġġja u tipparteċipa b’mod attiv f’inizjattivi ġodda u fi pjan ta’ azzjoni ġdid dwar it-trapjanti tal-organi.” Huwa spjega kif il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-passat ikkontribwiet b’mod pożittiv għall-avvanz nazzjonali tad-donazzjoni u t-trapjant tal-organi. Din il-parteċipazzjoni rawmet aktar kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari l-Italja, Spanja u r-Renju Unit. Huwa kompla jispjega li tali kollaborazzjoni wasslet għal titjib sinifikanti fis-servizzi, fil-leġiżlazzjoni, taħriġ aħjar u l-kondiviżjoni tal-organi.
“Huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri kollha jibbenefikaw bl-istess mod mill-avvanzi f’din id-dixxiplina u s-solidarjetà bejn l-istati hija essenzjali,” temm jgħid il-Ministru Abela.