- L-istati membri tal-UE mħeġġin jonoraw l-impenji li ħadu biex jirrilokaw lill-migranti u jibagħtu esperti fil-‘hotspots’
F’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela għamel żjara fil-kamp tal-migranti ta’ Moria fil-gżira Griega ta’ Lesvos, fil-Baħar Eġew. Miegħu kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Intern u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos u l-Ministru Grieg tal-Migrazzjoni Ioannis Mouzalas.
F’kummenti lill-istampa fi tmiem iż-żjara l-Ministru Abela ħeġġeġ lill-istati membri tal-UE biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom sabiex jissodisfaw l-impenji li ħadu f’Settembru tal-2015 u jtaffu l-pressjoni migratorja minn fuq il-Greċja u l-Italja. Dan billi sa Settembru ta’ din is-sena l-istati membri jirrilokaw minn dawn iż-żewġ pajjiżi 160,000 ruħ li jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali. Hekk kif qed joqrob iż-żmien biex jintemm dan il-proċess, l-għadd totali ta’ rilokazzjonijiet għadu ma qabiżx l-14,000. Malta diġà ħadet 111 mill-189 rilokazzjoni li wiegħdet.
Nhar it-28 ta’ Frar 2017, il-Ministru Abela flimkien mal-Kummissarju Avramopoulos bagħat ittra lill-ministri responsabbli mill-intern tal-istati membri kollha tal-UE jħeġġiġhom itejbu l-isforzi tagħhom u jirrilokaw lill-migranti. L-ittra fakkret ukoll lill-istati membri biex iwieġbu għat-talbiet regolari ħalli jintbagħtu esperti fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni (hotspots) u għal operazzjonijiet relevanti. F’Lesvos il-Ministru Abela qal li l-istati membri se jiġu mfakkra mill-ġdid dwar dawn iż-żewġ messaġġi waqt il-laqgħa tal-Kunsill għall-Ministri Ewropej tal-Intern li se ssir fi Brussell fi tmiem dan ix-xahar.
Il-Ministru Abela żied li għalkemm Malta hi aktar affettwata direttament mir-rotta migratorja taċ-ċentru tal-Mediterran milli minn dik tal-Lvant tal-Mediterran, kemm bħala l-Presidenza tal-UE kif ukoll bħala stat membru li jemmen fil-valur tas-solidarjetà Ewropea, riedet li din iż-żjara sservi wkoll ta’ espressjoni ta’ solidarjetà Ewropea mal-Greċja.
“Il-migrazzjoni hi sfida komuni li titlob minna strateġija komuni u komprensiva”, spjega l-Ministru. “Se nibqgħu naħdmu għal rispons komprensiv li jkun maħsub biex innaqqsu l-flussi migratorji bla kontroll filwaqt li nipproteġu d-drittijiet tal-migranti u tar-refuġjati b’konformità sħiħa mal-liġi tal-UE u ma’ dik internazzjonali. Se nibqgħu nistinkaw biex niżguraw li l-ebda stat membru ma jitħalla jfendi għal rasu meta jkollu jħabbat wiċċu ma’ pressjonijet migratorji straordinarji. Dan hu l-impenn ta’ Malta bħala Presidenza tal-UE, li se tibqa’ żżommu anke wara tmiem Ġunju”.
Il-Ministru Abela faħħar lill-Ministru Mouzalas u lill-mexxejja ta’ Lesvos għax-xogħol li twettaq fil-kamp ta’ Moria fl-aħħar ġimgħat filwaqt li qal kemm hu konvint li se jsir aktar titjib. Il-Ministru faħħar ukoll lir-rappreżentanti tal-EASO, tal-Frontex u tal-organizzazzjonijiet umanitarji li jaħdmu fil-kamp. Hu qal li hu importanti li s-sitwazzjoni fil-gżejjer tal-Eġew titjieb fl-interess kemm tal-migranti kif ukoll tal-abitanti.
F’Lesvos il-Ministru Abela kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Greċja Joseph Cuschieri u mill-Kummissarju għar-Refuġjati Martine Cassar.