Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela pparteċipa f’summit ta’ jumejn f’Londra bit-titlu ‘Future of Health Europe 2023’.
Għal dan is-summit attendew ministri, politiċi, uffiċjali governattivi, speċjalisti u managers fl-oqsma tas-saħħa u s-soċjal. Matul din il-konferenza ġew diskussi suġġetti varji fosthom s-sostenibbiltà, il-ħarsien tal-ambjent, l-innovazzjoni u l-affordabbiltà tas-sistemi tas-saħħa Ewropej.
Il-Ministru Jo Etienne Abela ffoka d-diskors tiegħu fuq is-settur tas-saħħa fl-anzjanità u saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema fis-settur tal-ġerjatrija jibqgħu jingħataw taħriġ u li jingħataw opportunitajiet li javvanzaw ’il quddiem.
Il-Ministru tkellem dwar l-importanza li s-servizzi ġerjatriċi jsiru diġitali u teknoloġiċi sabiex ikunu jistgħu jsostnu u jimmasimizzaw ir-riżorsi limitati li għandhom kważi kull pajjiż Ewropew. Huwa tenna li l-gvern Malti kommess li jkompli jimbotta inizjattivi ħodor f’dan is-settur vitali għas-soċjetà.
Il-Ministru Abela temm billi appella għal aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi inkluż dawk mhux Ewropej, u għal miżuri li huma verament iċċentrati fuq iċ-ċittadin.