Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia ġibed l-attenzjoni għar-realtajiet ta’ Malta fil-Kuntest tal-European Green Deal waqt laqgħa mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.
Il-Ministru appella lill-Kummissjoni biex toffri sistemi u mekkaniżmi ta’ assistenza, inkluż assistenza finanzjarja, magħmulin apposta biex jindirizzaw ir-realtajiet ta’ stat membru żgħir bħal Malta, b’limitazzjonjiet ġeografiċi, limitazzjonijiet ta’ riżorsi u economies of scale li jisfavorixxu.
Hu qal li filwaqt li pajjiżna qed jiffaċċja diversi sfidi f’dan ir-rigward, il-Gvern huwa kommess li jegħleb dawn l-isfidi u jdawwarhom f’opportunitajiet bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea.
Waqt il-Kunsill tal-Ambjent (ENV), il-Ministru Farrugia intervjena f’vena simili għall-kuntest tal-European Green Deal, li kienu jiffukaw fuq żewġ elementi differenti: il-klima u l-ħolqien ta’ ekonomija ċirkolari.
Mill-perspettiva tal-klima, hu enfasizza li l-ebda stat membru ma għandu jitħalla waħdu filwaqt li enfasizza wkoll li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ Malta fil-kuntest ta’ tranżizzjoni tal-Unjoni Ewropea lejn newtralità tal-klima sas-sena 2050.
Hu żied li għandu jinstab approċċ bilanċjat u li hemm bżonn studju dettaljat li jiddetermina l-kapaċitajiet ta’ kull stat membru biex jilħaq il-miri tiegħu sal-2030. Il-Ministru Farrugia saħaq li Malta se tkun qed tipparteċipa f’diskussjonijiet fuq il-liġi ġdida tal-klima.
Mill-perspettiva tal-ħolqien ta’ eknonomija ċirkolari fil-kuntest tal-European Green Deal, il-Ministru nnota li din il-bidla għal ekonomija ċirkolari hija waħda bżonnjuża siegħa għall-ekonomija nnifisha u anki għall-ambjent tagħna. Il-Ministru nnota ukoll li pajjiżna qed jiffaċċja numru ta’ sfidi biex imexxi din il-bidla minħabba l-limitazzjonijiet tagħna, speċjalment minħabba d-dipendenza tagħna fuq l-importazzjoni ta’ riżorsi u l-esportazzjoni ta’ skart.
Il-ministru spjega kif Malta tesporta ħafna minn dak li tipproduċi, u għalekk soluzzjoni waħdanija fuq skala ta’ pajjiż ma tkunx is-soluzzjoni ideali għal immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi. Il-Ministru spjega wkoll kif Malta diġà qed taħdem fuq numru ta’ strateġiji speċifiċi għal setturi differenti li jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi tal-pajjiż.
Dawn jinkludu l-istrateġija għall-produzzjoni ta’ single-use plastics għall-10 snin li ġejjin, u l-istrateġija għall-immaniġġjar ta’ skart tal-kostruzzjoni li teħodna sal-2025.
Malta qed tinvesti wkoll f’kampanji ta’ għarfien għall-konsumatur biex ikun jista’ jagħmel deċiżjonijiet infurmati filwaqt li jinforza l-mekkaniżmu ta’ Extended Producer Responsibility. B’dan il-punt tkun qed jinħolqu produzzjoni u konsum aktar sostenibbli. F’dan ir-rigward, Malta se tkun qed twaqqaf ir-Resource Recovery and Recycling Agency, proprju bil-għan li tindirizza dawn l-sifidi maħluqa minn streams differenti ta’ skart.
Ritratti: MECP