Wara ġurnata ta’ taħditiet intensi fi Brussell, il-Ministri responsabbli mill-enerġija fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea waslu għal ftehim – li issa ilu mistenni ħafna – biex jiġi stabbilit limitu massimu tal-prezz tal-gass naturali.
L-għan ta’ dan il-ftehim hu li, f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi tal-enerġija minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, ikun jista’ jgħin lill-familji u lin-negozji Ewropej biex ikampaw aħjar quddiem żidiet eċessivi fil-prezzijiet kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan il-ftehim se jwassal biex jiddaħħal Mekkaniżmu ta’ Korrezzjoni tas-Suq, magħruf ukoll bħala ‘gas price cap’, li huwa maħsub biex iwassal għall-istabbilità fis-swieq tal-gass naturali meta l-prezzijiet jibdew jogħlew b’mod eċċessiv. Din kienet is-sitwazzjoni fl-aħħar xhur fl-Unjoni Ewropea, meta l-prezzijiet żdiedu b’mod eċċessiv, partikolarment fix-xahar ta’ Awwissu.
Il-limitu tal-prezz milħuq flimkien mal-mekkaniżmu kollu se jwassal għall-prezzijiet tal-enerġija aktar stabbli madwar l-Ewropa, minn fejn Malta timporta l-elettriku permezz tal-interconnector.
Ftit tal-ħin ilu, il-Ministru Maltija responsabbli mill-qasam tal-enerġija, Miriam Dalli, tat l-ewwel reazzjonijiet tagħha għal dan il-ftehim.